Kemm se tkun iż-żieda fiċ-Children’s Allowance?

Iż-żieda se tkun ta’ €250 fis-sena għal kull wild.

Kif se jaffettwani t-tibdil fil-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja?

It-tibdil jinvolvi l-estensjoni tal-eliġibilità biex jilħaq iktar familji. Fil-fatt, b’dan it-tibdil, se jintlaħqu 95,000 familja, id-doppju ta’ kemm kien jintlaħaq.

Il-benefiċċju se jkun bejn €100 u €1,500 fis-sena, liema rati jvarjaw skont id-dħul u l-membri fil-familja.

Kif inkun naf jekk nistax nikkwalifika għal dan il-benefiċċju?

Il-benefiċċju jingħata lil dawk li jkollhom dħul aġġustat għan-numru ta’ membri fil-familja tagħhom li ma jaqbiżx id-Dħul Medjan Nazzjonali.

Meta jingħataw il-pagamenti għal dan il-benefiċċju?

Il-pagament ta’ din l-għajnuna se jibda jinqasam f’darbtejn, bl-ewwel pagament isir f’Diċembru u t-tieni pagament isir f’Mejju.

Se jkun hemm żidiet fl-In-Work Benefit?

Iva, żidiet fl-In-Work Benefit hemm. Fil-fatt se jkun hemm żieda ta’ €50 għal kull wild fil-familja taħt it-23 sena.

L-In-Work Benefit għal dawk li jaħdmu b’ħinijiet atipiċi se jkompli jingħata?

Iva, ħaddiema li għandhom paga bażika li ma taqbiżx l-€20,000 u li jaħdmu b’ħinijiet atipiċi fis-setturi tal-akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna, u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut se jitħallas il-benefiċċju ta’ €150 f’Diċembru li ġej.

X’bidliet kien hemm fil-Paga Minima?

Mis-sena d-dieħla, il-paga minima se tissaħħaħ b’mod sostanzjali fuq numru ta’ snin. Sal-2027, il-paga minima se tiżdied bejn €12 u €18 fil-ġimgħa u dan minbarra l-COLA.

B’mod sempliċi, l-ewwel żieda tfisser li minn Jannar 2024, il-paga minima titla’ minn €192.73 fil-ġimgħa għal €213.54 fil-ġimgħa, bil-COLA inkluża.

Kemm se tkun iż-żieda fil-bonus għat-twelid u l-adozzjoni?

Dan il-bonus żdied minn €400 għal €500 għall-ewwel wild u minn €400 għal €1,000 għat-tieni wild jew aktar fil-familja.

Kemm se jkun il-benefiċċju għal dawk il-ġenituri bi tfal ta’ ’l fuq minn 16-il sena li jagħżlu li jibqgħu jistudjaw?

Meta jintemm iż-żmien li jkunu eliġibbli għaċ-Children’s Allowance, il-ġenituri ser isiru eliġibbli għal Allowance Speċjali meta uliedhom ikomplu bl-edukazzjoni full-time. Din l-Allowance Speċjali se tkun ta’ €500 fis-sena għal tliet snin, sakemm it-tfal jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jkunu studenti full-time.Dan il-benefiċċju se jibda jingħata lill-ġenituri ta’ dawk li bdew l-ewwel sena tal-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom mis-sena skolastika preżenti u jitħallas fi tmiem is-sena skolastika.

Fuq medda ta’ tliet snin, ġenitur ikun irċieva total ta’ €1,500.

X’inhi l-iskema tal-Carer at Home u kemm hija ż-żieda?

L-iskema hija mmirata biex toffri servizz fil-komunità lill-anzjani. Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern joffri għajnuna finanzjarja lil min jimpjega carer tal-għażla tiegħu biex jgħinu fil-bżonnijiet ta’ kuljum.

Minn Jannar 2024, l-għajnuna se tiżdied b’€1,000 oħra, għal €8,000 fis-sena.

X’inhu l-Carer’s Grant u kemm hija ż-żieda?

Il-Carer’s Grant hija għotja li tingħata lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom ta’ ’l fuq minn 16-il sena, b’diżabilità severa. Fil-Budget 2024 tħabbar li mis-sena d-dieħla, bis-saħħa taż-żieda fil-paga minima, il-Carer’s Grant se tkun qed tiżdid b’€487 fis-sena, biex issa se tilħaq kważi €5,000 fis-sena.

Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) għas-sena d-dieħla ta’ €12.81 fil-ġimgħa, hija applikabbli għal kull ħaddiem?

Iva, iż-żieda se tingħata lill-impjegati kollha.

Jekk taħdem part-time, eliġibbli ukoll għall-COLA?

Impjegat part-time huwa intitolat għall-parti miż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tiżdied fi proporzjon mas-sigħat maħduma.

Jekk inti ħaddiem tal-Gvern jew ħaddiem tas-settur privat li taħdem bħala parti minn kuntratt tal-Gvern, eliġibbli wkoll għall-COLA?

Iva, ser tingħata ż-żieda sħiħa tal-COLA.

Iċ-Ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa, se jerġa’ jingħata?

Iċ-ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa se jerġa’ jingħata s-sena d-dieħla. Iċ-ċekk se jkun bejn €60 u €140, bl-ogħla somma tibqa’ tingħata lil dawk bl-aktar dħul baxx.
Ara t-tabella t’hawn taħt.

 

FAQs Image

X’inhu s-servizz ta’ Assistent Personali u l-Gvern kif jgħin f’dan is-servizz?

Is-servizz ta’ Assistent Personali jingħata lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom bil-għan li jibqgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar indipendenti f’darhom stess. Il-Gvern jgħin billi jagħti għajnuna finanzjarja għal tali servizz.

Wara li s-sena l-oħra l-Gvern investa €4.2 miljun f’dan is-servizz, din is-sena n-nefqa se tiżdied b’€1 miljun, għal €5.2 miljun.

It-tifel tiegħi jirċievi servizz ta’ terapija mill-privat minħabba d-diżabilità li għandu. Kien hemm xi żieda fit-Tax Credit li jagħti l-Gvern għal tali servizzi?

Iva, mis-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jsaħħaħ dan l-inċentiv lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità billi jżidu minn €200 għal €500 kull sena fuq kull wild b’diżabilità.

Kien hemm xi bidliet fil-benefiċċju tal-kera?

Il-benefiċċju tal-kera, jew inkella l-Private Rent Housing Benefit Scheme, kompla jissaħħaħ fil-Budget 2024.

Il-massimu li jista’ jingħata taħt din l-iskema se jiżdied minn €3,600 għal €4,000 għal persuna waħedha, minn €4,800 għal €5,400 għal familja b’wild wieħed u minn €5,000 għal €6,000 għal familja b’żewġ ulied jew aktar.
Se jogħla wkoll il-minimu li jista’ jingħata lill-benefiċċjarji tal-iskema għal mhux inqas minn €125 fix-xahar.

L-iskemi fuq il-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà għall-first-time buyers u s-second-time buyers, se jibqgħu fis-seħħ?

Iva, l-iskemi tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers u s-second-time buyers se tibqa’ fis-seħħ ħlief dawk li jixtru proprjetà f’Għawdex wara Diċembru li ġej. Din mhux se tiġi estiża.

Iżda Għawdex xorta se jibqa’ jingħata inċentivi speċjali.

Fejn jidħol xiri ta’ proprjetajiet UCA jew li ilhom vakanti minn first-time buyers, mis-sena id-dieħla se jiżdied il-Grant lil first-time buyers ta’ dawn il-proprjetajiet f’Għawdex minn €30,000 għal €40,000. Dan minbarra l-għajnuniet b’saħħithom l-oħra ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal kull min jixtri din it-tip ta’ proprjetà.

Dawn huma l-iskemi li ġew estiżi:

• First-time buyers li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom ma jħallsu ebda taxxa tal-Boll fuq l-ewwel €200,000 tal-prezz tal-propjetà.

• Second-time buyers li jkollhom propjetà residenzjali waħda u jiddeċiedu li din tinbiegħ sabiex jixtru oħra, jingħataw rifużjoni tat-taxxa fuq l-ewwel €86,000 tal-prezz tal-propjetà.

• First-time buyers li jixtru propjetà f’UCA jew propjetà li ilha mibnija għal iktar minn 20 sena u ilha vakanti għal iktar minn 7 snin jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà.

• First-time buyers li jixtru waħda minn dawn it-tip ta’ propjetajiet f’Malta jingħataw għotja ta’ €15,000.

Se jkomplu l-inċentivi għal proprjetà isbaħ?

Iva, se jkomplu l-inċentivi fiskali għal dawk il-persuni li qed j ixtru jew ibigħu proprjetà li ilha mibnija għal aktar minn 20 sena u ilha vakanti għal aktar minn 7 snin, jew proprjetà li tinsab f’żona ta’ UCA.

B’hekk dawn se jibqgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-Boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà u jiffrankaw VAT sa massimu ta’ €54,000 fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar.
Il-first-time buyers jieħdu għotja ta’ €15,000 f’Malta u €40,000 f’Għawdex.

Se jkunu qed jingħataw għajnuniet biex jiġu restawrati faċċati u proprjetajiet ta’ valur?

Iva, għal darb’oħra, se jerġgħu joħorġu l-iskemi biex tingħata għajnuna finanzjarja biex wieħed jirrestawra l-faċċati u anke l-proprjetajiet li għandhom ċertu valur biex b’hekk inkunu qed nippriservaw dak il-bini li għandu ċertu valur.

Jiena nikri post mill-privat taħt l-iskema tal-Awtorità tad-Djar, Nikru Biex Nassistu. Hemm inċentivi fil-Budget 2024 li jgħinuni nixtri din l-istess proprjetà?

Iva, fil-Budget 2024 tħabbar li se titneħħa t-taxxa tal-boll fuq l-inkwilini li jaqgħu taħt ċertu skemi tal-Awtorità meta jiġu biex jixtru l-post li jkunu qed jikru. It-taxxa tal-boll se titneħħa fuq l-ewwel €200,000 tal-prezz tal-proprjetà. It-tneħħija tat-taxxa tapplika kemm għall-inkwilin li jkun se jixtri u anke għas-sid li jkun qed ibigħ.

Kemm se tkun iż-żieda għall-pensjonanti?

B’kollox, biż-żieda tal-għoli tal-ħajja inkluża, kull pensjonant tal-irtirar, ir-romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni tal-età, se jiżdiedu bi €15 fil-ġimgħa jew b’€780 fis-sena.  Iż-żieda se tinqasam €10.73 fir-rata tal-pensjoni u €4.27 fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja għal total ta’ €15 fil-ġimgħa jew €60 kull 4 ġimgħat.

Il-pensjonanti huma intitolati għall-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja?

Bit-tibdil f’dan il-mekkaniżmu, il-maġġoranza tal-pensjonanti se jkunu qed jirċievu wkoll iż-żieda addizzjonali tal-għoli tal-ħajja li tvarja skont id-dħul u kemm hemm nies jgħixu fil-familja.

Jiena twelidt qabel l-1962. Kif se nkun affettwata mill-bidliet li ħabbar il-Gvern fil-Budget?

Hemm żewġ miżuri tal-Budget li jolqtu lil din il-faxxa ta’ pensjonanti.

L-ewwel – la darba inti twelidt qabel l-1962, il-pensjoni tiegħek kienet qed tinħadem sewwa u kif suppost imma dawk li twieldu fl-1962 jew wara kien se jkollhom arranġament differenti dwar kif togħla l-pensjoni kull sena. Bażikament, dawk li twieldu qabel l-1962 kellhom garanzija biss taż-żieda għall-għoli tal-ħajja filwaqt li dawk li twieldu wara, kienu jiżdiedu kull sena, b’persentaġġ li 70% tiegħu huwa bbażat fuq iż-żieda fil-pagi u 30% fuq iż-żieda fl-inflazzjoni.

Fil-Budget 2024, il-Gvern neħħa din id-differenza u minn Jannar tas-sena d-dieħla, l-istess mekkaniżmu se japplika għal kulħadd l-istess.  B’hekk il-pensjonanti kollha jibqgħu jiżdiedu l-istess, twieldu meta twieldu.

 

It-tieni –  dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara kellhom Dħul Pensjonabbli Massimu, jiġifieri ceiling, differenti. Bi Dħul Pensjonabbli Massimu wieħed, dawk li twieldu qabel l-1962 u li s-salarju kurrenti tagħhom, li kieku għadhom jaħdmu, jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom, se jkunu qed jirċievu żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li tvarja skont is-salarju.

Mis-sena d-dieħla s-ceiling ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 se jibda jogħla b’ritmu aktar mgħaġġel minn ta’ dawk li twieldu wara biex gradwalment titneħħa d-differenza bejn it-tnejn.  Min twieled qabel l-1962 u għandu d-Dħul Pensjonabbli tiegħu kurrenti ivarja bejn €20,424 u €22,000 se jkun qed jieħu żieda addizzjonali sa massimu ta’ €9.48 fil-ġimgħa.

B’kollox hemm kważi 10,000 pensjonant li se jgawdu minn dan l-aġġustament.

Allura dawn iż-żidiet jagħmlu parti miż-żieda tas-€780 fis-sena?

Le, dawn huma żidiet oħrajn li se tista’ tieħu skont jekk tikkwalifikax jew le.

Jiena rrid napplika għal din iż-żieda addizzjonali?

Le m’hemmx għalfejn tapplika. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kull sena jaġġustalek id-dħul pensjonabbli tiegħek. Il-mod kif dan kien inħadem oriġinarjament (fuq l-ogħla salarji fi 3 snin konsekuttivi) mhux se jinbidel imma dan diġa’ jiġi aġġornat kull sena skont is-salarju kurrenti li kieku inti għandek kieku għadek taħdem fix-xogħol li kellek meta irtirajt. Jekk id-dħul pensjonabbli aġġornat tiegħek jaqbeż l-€20,424, inti tkun awtomatikament intitolat għaż-żieda li tvarja skont kemm ikun id-dħul pensjonabbli tiegħek.

Minn meta se jidħlu fis-seħħ dawn iż-żidiet?

Dawn iż-żidiet kollha se jidħlu fis-seħħ minn Jannar 2024.

Jiena nirċievi l-pensjoni tar-romol. Se jkun hemm xi żidiet għalija?

Iva, minn Jannar 2024, dawn il-pensjonanti se jkunu qed jirċievu l-pensjoni sħiħa li kieku kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom kieku għadhom ħajjin.

Iż-żieda addizzjonali tista’ tilħaq l-€1.65 fil-ġimgħa, minbarra ż-żieda mħabbra ta’ €15 fil-ġimgħa għall-pensjonanti.

Barra minn hekk il-miżuri mħabbra għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 jistgħu japplikaw għar-romol ukoll skont il-parametri applikabbli.

Dawn iż-żidiet kollha lill-pensjonanti, se jkunu taxxabbli?

Le, iż-żidiet fil-pensjoni mhumiex taxxabbli.

Barra minn hekk, mis-sena d-dieħla ’l quddiem se jkunu inklużi wkoll romol li jkunu għadhom ma għalqux il-61 sena iżda jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol.  Dawn ukoll issa ma jibqgħux iħallsu taxxa fuq il-pensjoni.

Barra minn hekk ukoll, il-perċentaġġ tad-dħul mill-pensjoni li ma jiġix kkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa ser jiżdied għal 60%, biex b’hekk il-pensjonanti li jkollhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni (eżempju minn xogħol) igawdu minn tnaqqis akbar fit-taxxa.

Il-pensjonanti tas-servizz se jkunu affettwati b’xi bidliet?

Il-pensjonanti tas-servizz se jaraw l-ammont tal-pensjoni tas-servizz tagħhom li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, jiżdied b’€200 oħra.

B’hekk aktar pensjonanti tas-servizz se jkunu qed igawdu minn din il-miżura waqt li jgawdu wkoll mill-miżura li malli jaghlqu 72 sena l-ammont kollu ikkommutat mill-pensjoni tas-servizz ma jibqax jiġi ikkunsidrat.

Barra minnhekk, pensjonanti tas-servizz li jkunu ġew boarded-out u ħarġu bil-pensjoni

U dawk li jieħdu l-pensjoni tas-servizz li iżda ma jaħdmux u lanqas jieħdu benefiċċji soċjali? Hemm xi ħaġa għalihom?

Iva, hemm miżura ġdida maħsuba għall-pensjonanti tas-servizz li jkunu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar, u li la jaħdmu u lanqas jieħdu pensjoni tas-sigurtà soċjali u li sal-lum ma jieħdu ebda żidiet tal-ogħli tal-ħajja.

Dawn il-persuni se jibdew jirċievu Bonus Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja ekwivalenti għaż-żieda sħiħa tal-ogħli tal-ħajja.

Dan il-bonus jibqa’ jakkumula kull sena biż-żieda tal-ogħli tal-ħajja sakemm il-persuna jew tibda taħdem inkella tibda tieħu xi pensjoni jew benefiċċju tas-sigurtà soċjali.  Jekk il-persuna fil-futur tibda taħdem jew tibda tieħu xi pensjoni jew benefiċċju tas-sigurtà soċjali, il-bonus xorta jibqa’ jitħallas kull sena bir-rata kif tkun akkumulat sa dakinhar.

Kien hemm xi titjib għal min jibqa’ jaħdem flok jieħu l-pensjoni?

Mill-2024 ’il quddiem kull min ikun jista’ jieħu l-pensjoni tal-irtirar iżda jagħżel li jkompli jaħdem minflok, se jkun qed jara l-inċentiv preżenti jogħla b’1.5% kull sena.

B’hekk min jipposponi l-pensjoni tiegħu:

  • b’sena ikun intitolat għal żieda addizzjonali ta’ 6.5%,
  • b’sentejn ikun intitolat għal żieda addizzjonali ta’ 13.5% (3% aktar minn bħalissa)
  • bi tlett snin ikun intitolat għal żieda addizzjonali ta’ 21% (4.5% iżjed minn bħalissa)
  • b’erba’ snin iż-żieda addizzjonali tkun 29%, (6% aktar mir-rata preżenti).

U min ma ħallasx biżżejjed bolol u allura ma jikkwalifikax għall-pensjoni?

Se jkun qed jiżdied il-bonus tagħhom b’€50 oħra.

Il-bonus għal min ikun ħallas minn sena sa erba’ snin bolol se jitla’ minn €450 għal €500 filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu minn ħames sa disa’ snin bolol se jitla’ minn €550 għal €600 fis-sena.

Min se jibbenefika mill-miżura ta’ €500 għal tliet snin għal min ikompli jistudja?

Din miżura maħsuba biex tgħin lill-familji li l-istudenti jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja, għalhekk il-familji ta’ dawk l-adoloxxenti li jkomplu fi skola post-sekondarja jibbenefikaw minn din l-allowance ġdida.

Il-miżura se taħdem b’mod li min beda s-sena skolastika din is-sena se jieħu l-pagament għat-tliet snin li ġejjin.

Però min qiegħed fit-tieni jew it-tielet sena ukoll se jibbenefika.

Min qiegħed fit-tieni sena se jilħaq jieħu l-pagament għas-sentejn li jmiss u min qiegħed fit-tielet sena jieħu l-pagament tat-tielet sena.

Irrid napplika għaliha din l-Allowance Speċjali?

M’hemmx il-ħtieġa li tapplika għaliha. L-allowance tirċevih b’mod awtomatiku fi tmiem is-sena skolastika.

Ser jerġa’ jiżdied l-istipendju tal-istudenti?

Iva, is-sena d-dieħla l-istipendji se jkunu qed jerġgħu jiżdiedu bir-rata tal-għoli tal-ħajja pro-rata. Dan ifisser żieda ta’ €64 fis-sena.

Barra minn hekk, il-Gvern se jkompli jżid b’mod sostanzjali l-istipendji f’korsijiet partikolari. Biex tiġi jiġi indirizzat il-bżonn ta’ iktar nies imħarrġa f’setturi kruċjali għat-transizzjoni ekonomika ta’ pajjiżna jew f’oqsma importanti fejn il-pajjiż għandu nuqqas, bħall-għallliema, il-Gvern se jkun qed iżid l-istipendju iktar, bl-ammont ikun aktar minn tlett darbiet l-istipendju normali.

Ser jerġgħu jiġu offruti scholarships u tax credits għall-istudenti?

Iva, is-sena d-dieħla se jkomplu l-programmi eżistenti ta’ Scholarships u tax credits għal dawk l-istudenti li jixtiequ javvanzaw bl-istudji tagħhom fil-livell ta’ Masters u Dottorat permezz tal-iskemi Get Qualified u Higher Educational Qualifications.