PR240365
| 07.03.24
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Aktar għajnuna lill-familji: Fi tmiem din il-ġimgħa jitħallsu pagamenti ta’ erba’ benefiċċji soċjali
Fi tmiem din il-ġimgħa se jkunu qed jitħallsu l-pagamenti t’erba’ benefiċċji soċjali. Dawn huma ċ-Children’s Allowance, l-Allowance għal tfal b’diżabilità, il-Fostering Allowance u l-Għajnuna Supplimentari. Dan se jkun it-tieni pagament ta’ dawn il-benefiċċji għal din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega li minn Jannar sa Ġunju tal-2024 se jkunu nħarġu €29,482,780 fuq pagamenti taċ-Children’s Allowance, €1,857,987 għall-Allowance ta’ tfal b’diżabilità, €720,992 fuq Fostering Allowance u €8,206,518 fuq benefiċċji tal-Għajnuna Supplimentari. Dan jfisser li sal-ewwel nofs ta’ din is-sena €40 miljun se jkunu marru fil-bwiet ta’ 63,000 familja.
Intant il-pagament taċ-Children’s Allowance tul din is-sena qed jara żieda ta’ €250, b’din iż-żieda tkun l-akbar waħda fil-ħamsin sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju.
Il-Ministru Falzon semma wkoll li sal-aħħar ta’ Frar 2024, il-Ministeru implimenta 25 minn 35 miżura tal-Budget 2024, li jfisser illi diġà ġew imwettqa 71.4% tal-miżuri kollha tal-Budget 2024.
“Il-Gvern impenjat illi jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz t’aktar benefiċċji b’saħħithom u li jmorru fejn hemm l-aktar bżonn,” temm jgħid il-Ministru Falzon.
PR240147
| 01.02.24
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Aktar minn €25 miljun oħra fil-bwiet ta’ 63,000 benefiċjarju
63,000 persuna se jkunu qed igawdu minn 5 pagamenti oħra li se jingħataw fi tmiem din il-ġimgħa, b’investiment ieħor ta’ aktar minn €25 miljun. Dawn il-pagamenti jinkludu l-Bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja, l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja, u ser jibdew jitħallsu l-aġġustamenti fil-pensjoni għall-pensjonanti mwielda qabel l-1962 u anke l-Pensjonanti Romol.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Intqal li minn nhar is-Sibt illi ġej, madwar 13,000 persuna ser jieħdu bonus għaliex m’għandhomx biżżejjed bolol biex jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja, u dan ser isir b’investiment ta’ €7.2 miljun.
Dan il-bonus din is-sena qed jerġa’ jiżdied b’€50 u jitla’ għal €500 għal dawk li ħallsu bejn sena u 4 snin kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u €600 għal dawk li ħallsu bejn 5 u 9 snin kontribuzzjonijiet. Dawk il-benefiċċjarji li jilħqu l-età ta’ 75 sena, ser jibqgħu jirċievu l-bonus flimkien mal-Għotja għal Ċittadini Anzjani. B’kollox, minn meta ġie varat il-benefiċċju fl-2015 tħallsu kważi €41 miljun.
Ġie spjegat li fi tmiem din il-ġimgħa ser tingħata wkoll l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, fejn madwar 40,000 persuna se jibbenefikaw minn din l-għotja, li se ssir b’investiment ta’ €14.9 miljun. Din is-sena din l-għotja qed terġa’ tiżdied b’€50. Dawk fl-età bejn 75 u 79 sena jirċievu €300 fis-sena u dawk ta’ 80 sena u aktar jitħallsu €450 fis-sena. Dan il-benefiċċju huma eliġibbli għalih anzjani li għadhom jgħixu fi djarhom jew mal-qraba.
“Dan huwa Gvern li jisma’ u li jindirizza r-realtajiet soċjali tal-mument, u li jkompli jagħmel prijorità l-qasam soċjali għaliex huwa l-katalista u s-sisien t’ekonomija b’saħħitha. Dan il-Gvern kommess illi jibqa’ jsaħħaħ lil dawk l-aktar vulnerabbli, lill-middle class filwaqt li jkompli jinċentiva lin-negozji,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega wkoll illi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali diġà qed jipproċessa dawk il-każijiet ta’ pensjonanti mwielda qabel l-1962 sabiex b’mod gradwali jieħdu l-istess rata ta’ pensjoni ta’ dawk il-persuni li twieldu wara l-1962. S’issa ġew ipproċessati maż-€2.5 miljun fi kważi 5,000 reviżjoni tal-pensjoni ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.
Intant, mid-9 ta’ Frar ser tingħata wkoll żieda addizzjonali għal 1,650 pensjonanti romol bħala parti mit-tkomplija ta’ proċess li għandu jwassal biex finalment, sa 3 snin oħra, jibdew jitħallsu l-pensjoni sħiħa li kellhom dritt għaliha l-konjugi tagħhom kieku għadhom ħajjin. Iż-żieda, li hija addizzjonali mal-€15 li ħadu fil-bidu tas-sena, tkun tvarja skont is-salarji li kellhom il-konjugi tagħhom meta sfaw nieqsa.
Is-Segretarju Permanenti semma wkoll li madwar 200,000 persuna ħadu l-benefiċċju addizzjonali tal-COLA, b’nefqa globali ta’ €16-il miljun.
PR240057
| 17.01.24
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Sa tmiem din il-ġimgħa l-pensjonanti kollha ser jirċievu żieda fil-pensjoni
Ġie mħabbar illi nhar is-Sibt li ġej se jitħallsu l-pensjonanti tal-invalidità u dawk fuq il-pensjoni minima nazzjonali. B’hekk, tul dawn l-ewwel ġimgħat ta’ Jannar, se jkunu tħallsu l-kategoriji kollha ta’ pensjonanti, li jammontaw mal-100,000 pensjonant, li lkoll ser jirċievu żidiet li minn tal-inqas jammontaw għal żieda ta’ €780 meta mqabbla mas-sena l-oħra.
Fl-istess waqt, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jaħdem id-differenza dovuta lill-pensjonanti li twieldu wara s-sena 1962, sabiex b’mod gradwali jirranġa anomalija li nħolqot fis-sena 2006.
B’hekk, b’effett minn din is-sena, is-ceiling ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 se jibda jogħla b’ritmu aktar mgħaġġel minn ta’ dawk li twieldu wara biex gradwalment titneħħa d-differenza bejn it-tnejn. Min twieled qabel l-1962 u għandu d-Dħul Pensjonabbli tiegħu kurrenti jvarja bejn €20,424 u €22,000 se jkun qed jieħu żieda addizzjonali sa massimu ta’ €9.48 fil-ġimgħa.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern ser ikompli jżomm kelmtu u l-wegħdiet illi għamel mal-familji u l-pensjonanti kollha. “Hekk kif qbiżna nofs dan ix-xahar eluf ta’ persuni jistgħu jixhdu dan l-impenn. Dan filwaqt li fi tmiem is-sena li għaddiet ħallasna bil-quddiem il-pagamenti taċ-Children’s Allowance, tal-In-Work Benefit u l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, fost oħrajn,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru spjega kif l-In-Work Benefit flimkien mat-Tapering tal-Benefiċċji, child care b’xejn u inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern, taw spinta sabiex ħafna benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali ħarġu fid-dinja tax-xogħol u ma baqgħux jiddependu fuq l-għajnuna soċjali, tant li mill-2013 sal-lum il-benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali naqsu b’56%.
Issemma wkoll kif reġa’ ssaħħaħ iċ-child bonus sabiex jgħin lill-familji b’wild ġdid jew adozzjoni. Għat-tieni darba ser jiżdied dan il-bonus u minn €400 għal kull wild ser jitla’ għal €500 għall-ewwel wild u għal €1,000 għat-tieni wild ġdid fil-familja jew aktar.
Mal-ewwel pagamenti li ħarġu din is-sena tħallsu 4 każijiet fejn kien hemm l-ewwel wild u 9 każijiet fejn kien hemm it-tieni wild. Huwa kkalkulat li madwar 3,200 familja ser igawdu minn dawn ir-rati iktar għoljin.
“Dan il-Gvern ser ikompli jsaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-familji kollha filwaqt li jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar, u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja,” temm jgħid il-Ministru Falzon.
PR240010
| 09.01.24
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Politika soċjali li qed tħalli r-riżultati
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b’sodisfazzjon studju tal-Bank Ċentrali li juri kemm il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja hu mistenni li jkun effettiv. L-istudju minn tliet ekonomisti ewlenin tal-Bank Ċentrali Dr Aaron G. Grech, Ian Borg u Dr Valentina Antonaroli juri li bit-tibdil li sar fl-aħħar Budget, il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja għandu jiżgura li l-purchasing power tal-familji, tal-pensjonanti u ta’ dawk bi dħul baxx ikun protett aħjar kontra l-inflazzjoni.
Ir-rapport tal-esperti jsostni li matul din is-sena, kemm il-pensjonanti, kif ukoll dawk fuq il-paga minima, għandhom ikunu ferm aħjar milli kienu fl-2021, qabel ma pajjiżna beda jiffaċċja rata ta’ inflazzjoni għolja minħabba żidiet fil-prezzijiet internazzjonali. It-tliet ekonomisti jirreferu għal bosta miżuri soċjali introdotti u oħrajn msaħħa fil-Budget, bħaż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, l-akbar żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance u t-tisħiħ fl-in-work benefit. Dan apparti twessigħ fil-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja.
L-awturi tal-istudju jinnutaw, li l-mekkaniżmu addizzjonali qed jolqot b’mod pożittiv ferm aktar familji. Barra minn hekk dan huwa bbażat fuq stima ta’ rata ta’ inflazzjoni kkalkulata fuq il-bażi tal-basket tal-konsum tal-pensjonanti jew familji bi dħul baxx. Skont l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali, bejn l-2013 u l-2023, dawk fuq il-pensjoni massima raw titjib fil-benefiċċji tagħhom b’aktar minn kwart, jiġifieri b’27.6%, filwaqt li dawk fuq il-pensjoni minima kellhom titjib ta’ aktar mid-doppju, jiġifieri b’50.3%. Qabel iż-żieda fl-inflazzjoni fl-2022, jidher li dawn iż-żidiet kienu ferm akbar miż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-pensjonanti. Dan kien wieħed mill-fatturi għalfejn il-Gvern ħass fil-Budget li għadda, li għandu jtejjeb ukoll il-pensjoni massima.
Fattur ieħor li nnutaw it-tliet ekonomisti huwa kemm l-mekkaniżmu addizzjonali msaħħaħ fil-Budget 2024, se jżid il-purchasing power għall-pensjonanti. Kontribut ewlieni għal dan huwa l-mod ġdid kif jaħdem il-mekkaniżmu addizzjonali, għax dan issa jinħadem bħala żieda għall-COLA, maħdum fuq il-bażi tal-bidla fil-basket ta’ oġġetti li jikkunsmaw dawk bi dħul baxx u l-pensjonanti.
L-istudju jħares ukoll lejn kif l-inflazzjoni laqtet lil dawk fuq il-Paga Minima Nazzjonali. Familja mingħajr tfal, rat żieda ta’ 15.4% fid-dħul tagħha bejn l-2013 u l-2023, filwaqt li dik bit-tfal rat żieda ta’ 46.1%. Dan kien dovut għall-fatt li familja bit-tfal gawdiet ukoll minn żieda qawwija fiċ-children’s allowance u mill-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-in-work benefit. Ir-rapport jinnota li żidiet fiċ-children’s allowance, tisħiħ fl-in-work benefit u ż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, li kollha joħorġu mill-Budget 2024, mistennija jżidu ukoll il-purchasing power għal dawn il-familji meta mqabbel mal-2021, is-sena qabel ma bdiet tgħolli rasha r-rata ta’ inflazzjoni.
L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jikkonkludu, li filwaqt li fil-passat dawk bi dħul baxx jew pensjonanti seta’ kien hemm żmien fejn iż-żieda tal-COLA ma kinitx tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja li realment jiffaċċjaw, bid-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali dan suppost jindirizza l-isfidi. Dan filwaqt li sostnew li meta jkun hemm żminijiet ta’ inflazzjoni minħabba li l-COLA tinħadem fuq rata ta’ inflazzjoni ta’ sena qabel, il-Gvern jagħmel sew li jagħti żidiet ogħla mill-COLA kif qed jagħmel bil-mekkaniżmu addizzjonali.
B’rabta ma’ dan l-istudju, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon laqa’ l-analiżi u sostna li din tikkonferma kemm il-politika tal-Gvern hija mibnija fuq il-ħtiġijiet tan-nies, u li din il-politika soċjali qed tħalli riżultati pożittivi. Huwa sostna li l-Gvern se jibqa’ kommess li jieħu iżjed inizjattivi u li jdaħħal aktar miżuri biex ikompli jkun ta’ sostenn għall-pensjonanti u għall-anzjani, familji bit-tfal, persuni b’diżabilità, persuni bi dħul baxx u medju u persuni vulnerabbli oħra.
Warning: foreach() argument must be of type array|object, bool given in /home2/maltabudget24/public_html/wp-content/themes/silkscreen-child/includes/blocks/ahbarijiet_ricenti_block/ahbarijiet_ricenti_block.php on line 55
PR231975
| 14.12.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Se jibda jitħallas l-ewwel pagament taċ-Children’s Allowance biż-żieda l-ġdida ta’ €250 fis-sena għat-tfal kollha
Fi tmiem din il-ġimgħa ser ikun qed jitħallas l-ewwel pagament biż-żieda l-ġdida fiċ-children’s allowance illi jiġbor fih l-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Dan il-pagament fih iż-żieda ta’ €250 fis-sena għal kull wild, u din il-miżura se tolqot b’mod tajjeb aktar minn 41,285 familja u 62,000 tifel u tifla. Bejnithom dawn il-familji ser igawdu minn sostenn ta’ €14.3 miljun.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fejn tkellem dwar ir-rieda u l-impenn ta’ dan il-Gvern illi jkompli jtejjeb u jsaħħaħ il-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin kollha. Il-Ministru Michael Falzon mhux biss fakkar fl-introduzzjoni tal-miżura taċ-children’s allowance ħamsin sena ilu, iżda qal li dan il-Gvern kompla jemmen f’din l-għotja u saħħaha bħala parti mill-garanzija għat-tfal. Dan b’kuntrast m’amministrazzjonijiet oħra li mhux dejjem taw dan il-benefiċċju lill-familji kollha bit-tfal.
Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid li mis-sena d-dieħla, familji li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx €26,590, ser idaħħlu miċ-children’s allowance sa massimu ta’ €1,750 għal kull wild filwaqt li familja bi dħul li jaqbeż dan il-limitu l-ħlas ser jitla’ għal €930 għal kull wild.
Intant il-Ministru Michael Falzon stqarr illi fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu wkoll 2,158 pagament għal Allowance għal Tfal b’Diżabiltà b’investimnet ta’ kważi €1 miljun u 19,645 pagament tal-Għajnuna Supplimentari li l-investiment fiha jlaħħaq l-€4 miljun.
“Dan ifisser li sa tmiem din il-ġimgħa €19.2 miljun oħra se jmorru fil-bwiet tal-familji bit-tfal u persuni vulnerabbli. Fl-istess waqt fil-ġimgħa li għaddiet investejna mal-€34 miljun bil-Beneficcju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja. Quddiem dan l-impenn kollu, aħna ser nibqgħu umli, viċin iż-żgħir u mal-familji sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
PR231931
| 06.12.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
194,000 persuna jieħdu l-ewwel pagament addizzjonali tal-COLA
Madwar 95,000 familja b’total ta’ 194,000 persuna se jirċievu l-ewwel minn żewġ pagamenti dovuti tal-Benefiċċju Addizzjonali kontra l-Għoli tal-Ħajja fi tmiem din il-ġimgħa.
Il-pagament, li jkopri mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, b’kollox ilaħħaq €14.7 miljun, filwaqt li t-tieni pagament, li jkopri it-tieni nofs tas-sena 2024, jitħallas f’Mejju li ġej. Aktar minn nofs (53%) ta’ dawk il-benefiċjarji ta’ dan il-pagament mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu. Matulha kien spjegat kif dan il-pagament huwa bbażat fuq mekkaniżmu ta’ kumpens addizzjonali għall-għoli tal-ħajja aġġustat skont id-dħul tal-familji u n-numru tal-membri fil-familja tagħhom jgħixu fl-istess residenza.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi dan il-benefiċċju se jkun ta’ bejn €100 u €1,500 fis-sena, liema rati jvarjaw skont id-dħul u l-membri fil-familja, u qal illi b’kollox din l-għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja mistennija taqbeż it-€30 miljun is-sena d-dieħla.
“Qed ninċentivaw lin-nies u nagħmlu dan fi sfond fejn pajjiżna għandu l-akbar rata ta’ nies f’impjieg u l-anqas rata ta’ qgħad, l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropeja kollha, u l-ikbar xibka ta’ miżuri soċjali. Madanakollu, aħna nifhmu r-realtajiet soċjali tal-mument u għalhekk komplejna nsaħħu l-qagħda tal-familji tagħna,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega diversi livelli ta’ dħul differenti ta’ persuni illi se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju.
Dħul disponibbli (wara l-ħlas tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet) skont id-daqs tal-familja | € |
---|---|
Familja b’persuna waħda | 18,155 |
Familja b’żewġ persuni | 27,233 |
Familja bi tlett persuni (wild taħt l-14-il sena) | 32,679 |
Familja bi tlett persuni (wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 36,310 |
Familja b’erba’ persuni (2 itfal taħt l-14-il sena) | 38,126 |
Familja b’erba’ persuni (wild taħt l-14-il sena + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 41,757 |
Familja b’ħames persuni (3 itfal taħt l-14-il sena) | 43,572 |
Familja b’ħames persuni (2 itfal taħt l-14-il sena + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 47,203 |
Familji oħra/akbar | 50,000 |
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega illi mhux biss familji f’riskju ta’ faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw, iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà. Tant illi skont l-aħħar ċifri tal-NSO dwar id-dħul tal-familji, madwar 44,000 familja jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar. Minn dan il-benefiċċju iżda se jkunu qed jibbenefikaw b’kollox madwar 95,000.
Dan ifisser ukoll li 30% tal-familji li ħadu dan il-benefiċċju (kważi 50,000) mhumiex f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, u xorta waħda qed jiġu mgħejuna b’dan il-benefiċċju.
Minn dawk li qed jirċievu l-pagament dovut fi tmiem din il-ġimgħa, 37,748 huma persuni single, 17,881 koppji u 36,735 familji bit-tfal.
PR231855
| 27.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Malta Ġusta: Sussidju ta’ €12-il miljun biex jibqa’ stabbli l-prezz tad-dqiq u l-ġwież
B’investiment ta’ tnax-il miljun ewro, reġgħet infetħet l-iskema temporanja li permezz tagħha l-gvern qed jaċċerta li jibqa’ stabbli l-prezz tal-ħobż, id-dqiq u anke l-ġwież għall-annimali.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ġusta, li matulha ġie spjegat kif dan is-sussidju, li diġà ngħata s-sena li għaddiet, huwa immirat għall-importaturi taċ-ċereali u d-dqiq għall-produzzjoni lokali.
“Bħala gvern, b’mod immedjat, rajna li għandna nkunu aħna li nerfgħu l-piżijiet li x-xena internazzjonali ġabet magħha. Malta, bħala gżira żgħira, ħasset dan l-impatt ħafna aktar minn pajjiżi oħra li huma akbar minna u li għandhom aktar riżorsi, anke minħabba l-insularità u d-daqs ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, qed nerġgħu nniedu din l-iskema, għaliex il-gvern huwa verament ġust maċ-ċittadini u kommess li jkompli jżomm il-prezz tad-dqiq u l-ġwież stabbli,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-Dipartiment ikkonċernat billi jibgħat email fuq [email protected]. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu sa nofsinhar tal-15 ta’ Jannar 2024.
PR231836
| 23.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI
Malta Ġusta – Investiment f’ċentri ġodda ta’ matul il-jum fil-Kottonera
Tlesta proġett li permezz tiegħu infetħu tliet ċentri ta’ matul il-jum fil-Kottonera. Dawn it-tliet ċentri li jinsabu f’Bormla, il-Birgu u l-Kalkara ser ikunu qed joffru spazju ta’ rikreazzjoni għall-anzjani fil-Kottonera. Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli għamlu żjara f’dawn it-tliet ċentri ġodda.
Waqt din iż-żjara ġie spjegat li permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-Parroċċa ta’ Bormla u l-kunsilli lokali rispettivi, wasslet għall-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif wara numru ta’ taħdidiet, kien inħass il-bżonn li jkomplu jespandu iċ-ċentri ta’ matul il-jum f’lokalitajiet oħra. Spjega kif l-għan ta’ dawn iċ-ċentri jibqa’ li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu u jibqgħu attivi permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru. Semma wkoll kif il-programm varjat ta’ attivitajiet jgħin biex jħeġġu lill-anzjani jibqgħu jitgħallmu u jibqa’ jkollhom sehem attiv fis-soċjetà billi jużaw l-abbiltajiet tagħhom u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ anzjani oħra u ġenerazzjonijiet oħra.
Il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza ta’ dawn iċ-ċentri fejn b’kollox s’issa hawn 29 ċentru f’Malta. Huwa temm jgħid li l-Gvern kommess li jkompli joffri ċentri u spazji bħal dawn madwar Malta, għall-ġid tal-anzjani fil-komunità.
Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni ta’ dawn il-kunsilli lokali favur l-anzjani tal-Kottonera. Hija saħqet li l-kunsilli lokali għandhom dejjem iżommu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, it-titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha, fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.
“Kommessi li nkompli naħdmu fuq aktar proġetti u inizjattivi li jippromwovu l-anzjanità attiva u l-inklużjoni ta’ residenti anzjani fil-komunità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
PR231824
| 22.11.23
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Imnedija skema li ser tkun qed tipprovdi tablet għal kull sajjied
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ħabbru inizjattiva ġdida fejn is-sajjieda ser jiġu pprovduti b’tablet sabiex itejjeb il-komunikazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sajd u l-istess sajjieda.
Kull sajjied irreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura ser jingħata tablet waterproof, mgħammar b’app li ser tagħti l-opportunità lis-sajjieda biex jagħmlu użu minn numru ta’ servizzi differenti.
Permezz ta’ din is-sistema, is-sajjied, mingħajr il-bżonn li jirrikorri fiżikament għand id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, ser ikun jista’ jagħmel dan li ġej:
- Jirreġistra b’mod elettroniku il-qabda tal-ġurnata fil-logbooks;
- Iġedded il-liċenzja tal-bastimenti u se jkollu aċċess għall-permessi kollha meħtieġa għas-sajd b’mod virtwali;
- Jikseb permessi addizzjonali, fosthom għas-sajd tat-Tonn, tal-Pixxispad u tal-Lampuki;
- Jaċċessa u jitlob kwalunkwe aġġornament rigward ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd tiegħu;
- Jingħata rendikont tal-bejgħ kollu mill-qabda tiegħu; u
- Jara b’mod immedjat il-pożizzjoni tal-bastimenti kollha rreġistrati minnu.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said iddeskriviet din l-inizjattiva bħala parti mill-istrateġija ta’ diġitalizzazzjoni li qed jwettaq il-Gvern fis-settur tas-sajd. B’dawn l-għodda ġodda, id-Dipartiment ser ikun qed jaqdi l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tas-sajjieda b’mod sostenibbli u effettiv. Hija kompliet li permezz ta’ din is-sistema se tkun tista’ tinġabar ukoll informazzjoni xjentifika.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-sajjied m’għadx għandu bżonn jiddedika parti sostanzjali mill-ħidma tiegħu, biex jersaq lejn id-Dipartiment tas-Sajd biex jaqdi l-obbligi tiegħu. Kommessi li nkomplu bil-ħidma lejn futur aktar sostenibbli għas-settur tas-sajd f’pajjiżna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega kif bl-użu tal-fondi Ewropej qed ikomplu jinvestu fis-sajjieda lokali, din id-darba billi qed jipprovdulhom għodod diġitali li ser iħaffu l-proċessi eżistenti li bħalissa jgħaddu minnu s-sajjieda, filwaqt li tittejjeb il-komunikazzjoni bejniethom u bejn id-Dipartiment tas-Sajd.
“Id-diġitalizzazzjoni f’kull settur hija waħda mil-miri li Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea tixtieq tilħaq, u dan l-investiment qed jwitti t-triq sabiex din il-bidla u l-immodernizzar isir ukoll fis-settur tas-sajd,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
PR231819
| 22.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Aktar pagamenti lil eks ħaddiema li saret inġustizzja magħhom
Madwar 4,800 persuna ser jibbenefikaw minn ftit aktar minn €8.2 miljun, bħala parti minn pagamenti dovuti lilhom minħabba inġustizzji li sofrew fil-passat. Il-benefiċċjarji huma eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku, persuni li wkoll kienu fil-korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, u eks impjegati tal-Gas Board li kienu trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.
Għall-ewwel darba, din is-sena se jibbenefikaw ħaddiema li kienu daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn Jannar tal-1978 u Jannar tal-1979, iżda naqsu li jikkwalifikaw għall-pensjoni tas-servizz.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa filgħodu.
“Din il-wegħda qed tinżamm għas-seba’ sena konsekuttiva. Fi tmiem din il-ġimgħa mill-ġdid ser jerġgħu jsiru pagamenti lil dawk il-persuni li sofrew inġustizzji jew anomaliji fl-impjieg tagħhom qabel Marzu tal-2013. B’kollox ser ikunu tħallsu aktar minn €42.7 miljun,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Intant, bl-għeluq tal-iskema tas-servizz pubbliku, b’kollox ingħalqu erba’ skemi mibdija fl-2017 li jinkludu dawk għal membri tal-korp tal-pulizija, għall-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board u dawk tax-xatt.
Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid illi permezz tat-twettiq ta’ din il-miżura, ġew implimentati l-miżuri kollha fdati lill-Ministeru Soċjali għal din is-sena, xhieda oħra ta’ kemm dan il-Gvern jwettaq dak kollu illi jwiegħed.
PR231813
| 21.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI
Malta Ġusta: Imniedi dokument b’viżjoni għall-industrija tas-superyachts
Wara t-tkabbir ekonomiku bla preċedent li esperjenza pajjiżna tul l-aħħar snin, Malta se tkompli ssaħħaħ l-industrija tas-superyachts permezz tat-tnedija ta’ dokument ta’ viżjoni għal din l-industrija.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia li spjega li din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli tippromwovi lil Malta bħala l-ġurisdizzjoni preferuta għall-industrija tas-superyachts, trawwem tkabbir sostenibbli, u toħloq ekosistema b’saħħitha.
“Il-viżjoni ġenerali hija ċara: Inkomplu nagħmlu minn Malta ġurisdizzjoni ta’ għażla għall-industrija tas-superyachts billi nrawwmu ekosistema sostenibbli appoġġjata minn infrastruttura affidabbli, servizzi ta’ kwalità, u forza tax-xogħol speċjalizzata,” spjega l-Ministru Farrugia.
Matul l-aħħar għaxar snin, Malta kienet fuq quddiem fl-UE f’termini ta’ tkabbir ekonomiku, b’ċifri impressjonanti ta’ impjiegi full-time u rata ta’ qgħad dejjem tonqos. The Economist reċentement ikklassifika lil Malta fit-tieni post fl-UE f’diversi miżuri kritiċi, filwaqt li enfasizza l-ħila ekonomika u l-istabbiltà ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia spjega li wieħed mis-setturi ewlenin li kkontribwixxew għal din l-istorja ta’ suċċess hija l-industrija marittima, partikolarment is-settur tas-superyachts. Matul l-aħħar 16-il sena, in-numru ta’ superyachts li jaqbżu l-24 metru rreġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili żdied minn ftit aktar minn 100 fl-2007 għal aktar minn 1,100 f’Awwissu 2023. Dan it-tkabbir mhux biss jistimula l-ekonomija iżda jiġġenera wkoll impjiegi ta’ kwalità għolja u servizzi anċillari, li jmorru id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li jinħolqu setturi b’valur miżjud, b’opportunitajiet ta’ karriera.
Sabiex tinbena din il-viżjoni, f’Ottubru 2022 beda proċess ta’ konsultazzjoni komprensiva li nvolva l-partijiet interessati tal-industrija. Dan l-isforz, flimkien ma’ riċerka preliminari u analiżi, wassal għal dan id-dokument ta’ viżjoni. Il-Gvern, b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ esperti fl-industrija, se juża dan id-dokument bħala l-pedament għal strateġija nazzjonali għas-settur tas-superyachts.
“Dan id-dokument se jservi bħala pjan għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni ewlenija tas-superyachts. Din il-viżjoni fit-tul tirrifletti l-impenn ta’ Malta għal tkabbir sostenibbli, impjiegi ta’ kwalità għolja, u eċċellenza fl-industrija tas-superyachts, u tpoġġi lil pajjiżna bħala destinazzjoni għad-dilettanti tas-superyachts, sidien, u professjonisti madwar id-dinja,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Iċ-Chairperson tal-Isteering Committee, Dr Stephanie Fabri, qalet “Dan id-dokument huwa riżultat ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati li ngħaqdu flimkien biex infasslu t-trasformazzjoni ulterjuri tal-ekosistema tas-superyachts. Bħala niċċa fi ħdan is-settur marittimu, din l-istrateġija hija pjan ta’ kif is-setturi ekonomiċi eżistenti jkomplu jiddiversifikaw u jittrasformaw. Din l-istrateġija se tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli ta’ Malta billi tagħti valur miżjud u impjiegi ta’ kwalità. Dan żgur huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għall-viżjoni ekonomika ta’ Malta.”
Id-dokument jista’ jiġi aċċessat hawn.
Għat-tnedija kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Godwin Mifsud u l-Isteering Committee responsabbli mill-abbozzar tad-dokument.
PR231808
| 20.11.23
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Inawgurat iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid tar-Rabat Għawdex
Fil-gżira Għawdxija d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, inawguraw Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa r-Rabat li se jkun qed joffri mat-tnax-il servizz lill-pazjenti Għawdxin viċin darhom.
Dan iċ-Ċentru tas-Saħħa modern, mifrux fuq żewġ sulari, se jkun qed isaħħaħ il-politika tal-kura tas-saħħa primarja fil-komunità, anke f’ Għawdex, hekk kif mill-ġranet li ġejjin se jkunu offruti numru ta’ servizzi lill-pazjenti li s’issa kienu offruti biss mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ewlenin fosthom, is-servizz ta’ tabib tal-familja, tat-teħid tad-demm, tat-tilqim, tal-kura tas-saqajn, tal-elettrokardjogrammi (ECG), tal-klinika tal-ACC- POC (tal-warfarina), klinika tad-dijabete, kura tal-feriti, klinika speċjalizzata għal persuni b’Down’s Syndrome u klinika għas-saħħa u l-benessere (GU clinic).
Id-Deputat Prim Ministru fisser kif dan iċ-Ċentru, li sar b’investiment ta’ fondi nazzjonali u tal-NDSF, se jingħaqad mal-katina ta’ servizzi offruti f’Għawdex mill-Kura tas-Saħħa Primarja fil-kliniċi fil-komunità tax-Xewkija, tal-Għarb u fi ftit tal-ġimgħat oħra tal-Qala. Barra minn hekk, huwa spjega li permezz tal-investiment diġitali, huwa possibbli li kull resident f’ Malta u Għawdex jagħmel użu minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Klinika fil-Komunità tal-Kura tas-Saħħa Primarja, u dan peress li l-informazzjoni tal-pazjent hija diġitalizzata u għalhekk aċċessibbli minn kull klinika.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne rringrazzja lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) tal-ħidma infrastrutturali u lill-ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa Primarja li minn għada se jibdew joperaw minn dan iċ-Ċentru.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr “Illum ftaħna ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid f’dan il-post strateġiku fiċ-Ċentru tal-Belt Victoria li fih se jibdew ikunu offruti servizzi li s’issa kienu jingħataw biss mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Għalhekk se nkunu qegħdin naqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Għawdxin. U dan se jkompli jżid mas-servizzi li jingħataw fil-komunità hekk kif proprju ftit tax-xhur ilu ftaħna klinika tal-komunità fl-Għarb Għawdex, issa ftaħna dan iċ-Ċentru fir-Rabat u ftit taż-żmien ieħor se nkunu qed niftħu t-tielet ċentru fil-Qala. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn iċ-Ċentri se nkunu qegħdin nilħqu l-esiġenzi tas-saħħa tal-Għawdxin.” Huwa temm jgħid li dan il-Gvern kommess li jkompli jinvesti bis-sħiħ fis-saħħa taċ-ċittadini u jagħti l-aqwa servizz u kura tas-saħħa fil-gżejjer Maltin.”
PR231800
| 18.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Malta Ġusta: Titnieda l-Istrateġija għat-Tagħlim tul il-Ħajja
“L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tgħin biex nimxu ‘l quddiem, iċ-ċavetta li tagħti l-mobbiltà soċjali li tfisser li inti minn int, tlaqt minn fejn tlaqt, għandek l-istess opportunità daqs ħaddieħor li tavvanza fil-ħajja u tilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħek.” Hekk qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu nieda l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja 2023-2030.
Din l-Istrateġija hija parti minn sensiela ta’ strateġiji li tnedew matul ix-xhur li għaddew u li jimxu id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li waslet fl-aħħar konsultazzjoni qabel tiġi mnedija.
L-Istrateġija tkompli tibni fuq il-ħidma kollettiva tal-gvern b’viżjoni lejn fejn irridu naslu u kif irridu naslu biex jintlaħqu l-għanijiet f’dan il-qasam. Strateġija li wkoll tiffoka fuq il-persuna individwali bħala ċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Din l-istrateġija għandha tliet pilastri ewlenin li flimkien jittrattaw l-opportunitajiet għat-tagħlim immirati lejn adulti li jinħtieġu ħiliet bażiċi, il-metodi u opportunitajiet ta’ tagħlim diversi biex tkun aċċertata l-inklussività u li tkun żgurata l-kwalità fit-taħriġ tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
L-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja għandha missjoni soċjali fil-qalba tagħha u għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli permezz ta’ firxa varjata ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-istrateġija, fil-fatt, se jkollha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri nazzjonali biex tiżdied kemm ir-rata ta’ impjieg kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, filwaqt li titnaqqas ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u/jew esklużjoni soċjali. Il-benefiċċji tat-tagħlim tul il-ħajja ma jieqfux fuq livell individwali iżda għandhom effetti li jinxterdu fuq il-livelli kollha tas-soċjetà inkluż l-industrija, il-komunità ċivika, u l-pajjiż inġenerali.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella qal, “Din l-istrateġija hija ċ-ċavetta għall-mobbiltà soċjali. L-għan ewlieni tagħha huwa li tnaqqas l-esklużjoni soċjali billi nżidu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ. B’hekk inkunu qed nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea. Dan se jsir permezz ta’ 51 azzjoni strateġika li jikkumplimentaw il-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli SDG 4 – Edukazzjoni ta’ kwalità. Din l-istrateġija hija parti mit-trasformazzjoni li għaddejja bħalissa fl-edukazzjoni permezz tal-istrateġija nazzjonali.”
PR231795
| 16.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Malta Ġusta: Viżjoni fit-tul b’investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Ftehim iffirmat illum bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) se jpoġġi fiċ-ċentru żewġ setturi importanti għal pajjiżna, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’rabta ma’ taħriġ li se jingħataw l-istudenti.
B’dan il-ftehim jaħseb ukoll biex studenti li jattendu l-MCAST ikollhom aktar opportunitajiet ta’ esperjenza ta’ xogħol marbut mas-suġġetti li jkunu qed jistudjaw.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li ppresedew l-iffirmar tal-ftehim, tkellmu dwar l-importanza li l-Gvern qed jagħti mhux biss lil dawn iż-żewġ oqsma, imma wkoll billi qed joffri aktar opportunitajiet lill-istudenti.
Il-Ministru Grima fakkar fil-miżuri mħabbra fil-budget, imma wkoll fil-ħidma tal-MCAST biex filwaqt li ssaħħaħ l-apprendistat, tkompli tifrex il-ħidma tagħha għal aktar opportunitajiet ta’ taħriġ lill-istudenti.
“Qed ninvestu fl-istudenti biex ikomplu jeċċellaw fit-tagħlim tagħhom, itejbu l-ħiliet u jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Qed naraw ukoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-entitajiet kollha biex nagħtu importanza lir-riċerka, f’dan il-każ f’suġġett tant importanti għal pajjiżna, ix-Xjenza. Irridu nkomplu nqarrbu x-Xjenza mal-pubbliku fl-istess ħin li naraw li mmexxu ‘l quddiem ir-riċerka f’oqsma li minnhom jibbenefika l-poplu kollu,” qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq kemm dan il-ftehim huwa importanti għaliex qed ikompli jippromwovi r-riċerka. Huwa qal, “Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti bis-sħiħ fir-riċerka u l-innovazzjoni biex joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda għall-pajjiż u jgħin liċ-ċittadini fis-setturi l-aktar importanti, fosthom fil-qasam tas-saħħa. Dan jidher ċar meta l-Gvern investa għall-ewwel darba €800,000 fir-riċerka dwar il-kanċer f’Malta.” Qal li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa prova tal-viżjoni fit-tul li għandu l-Gvern, hekk kif il-frott tiegħu mhuwiex wieħed momentarju imma se nesperjenzawh ukoll fis-snin li ġejjin, bl-għan aħħari li ntejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies.
“Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Tonio Portughese, qal, “Aħna kommessi li permezz ta’ dan il-ftehim insaħħu l-kollaborazzjoni tagħna flimkien mal-MCAST. Permezz tal-Esplora u l-MCST se nkunu qed nipprovdu lill-istudenti tal-MCAST esperjenzi ta’ xogħol filwaqt li nsaħħu l-koordinazzjoni ta’ bejnietna, l-ippjanar u t-twettiq tal-inizjattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza.”
Id-Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Tatjna Chircop qalet, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, il-Kulleġġ se jkompli jagħti s-sehem tiegħu biex insaħħu l-inizjattivi li jippromwovu x-xjenza u r-riċerka. Ser inkunu qed naħdmu biex l-istudenti tal-MCAST ikunu jistgħu jagħtu sehemhom filwaqt li jitgħallmu u jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol. Dan huwa kruċjali għalina, għaliex nemmnu li t-tagħlim ma jsirx biss bit-teorija iżda bil-prattika fid-dinja reali tax-xogħol filwaqt li jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom u jagħmlu r-riċerka.”
PR231794
| 16.11.23
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Malta Ġusta: Imwaqqfa l-Aquatic Resources Malta
Entità ġdida li ser tinvesti f’proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-sajd u l-akwakultura
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ħabbret it-twaqqif ta’ entità ġdida bl-isem ta’ Aquatic Resources Malta. Din l-entità ser tibda tinvesti fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda, li ser jagħtu spinta lis-setturi lokali tas-sajd u l-akwakultura.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li din l-entità ser tgħin lill-Gvern iwessa’ l-orizzonti tiegħu dwar dak li qiegħed jiġri fl-ibħra tagħna, kemm mill-lat ekoloġiku, kif ukoll minn dak soċjo-ekonomiku.
“Dawn l-inizjattivi ser jgħinuna nsostnu l-istokkijiet tal-ħut eżistenti fl-ibħra tagħna, kif ukoll nassiguraw settur tas-sajd iktar ekonomikament u ambjentalment sostenibbli. Is-sajd u l-akwakultura għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir tal-blue economy ġewwa pajjiżna. Din l-entità ser tibgħat sinjal ċar tat-triq ‘l quddiem għal dawn is-setturi, u ser tgħin lil pajjiżna biex jieħu l-passi li jmiss,” saħqet Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat ukoll kif din l-entità ser twassal sabiex kemm xjentisti lokali u dawk internazzjonali jissieħbu fi proġetti ġodda ta’ kollaborazzjoni reġjonali u globali.
Alicia Bugeja Said saħqet ukoll kif matul dawn l-aħħar snin, is-settur tal-akwakultura irnexxielu jfaqqas speċi bħall-awrat, l-ispnott u l-aċċjol. “Permezz ta’ entità bħal din, ser nixprunaw l-għarfien dwar it-tfaqqis u t-trobbija ta’ speċi ġodda, bħal denċi, qarnit u rizzi, li jistgħu potenzjalment isarrfu fi programmi ta’ restocking. Dan sabiex insaħħu l-istokkijiet tal-ħut u s-sostenibbiltà tagħhom.”
“Opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bħal dawn huma wkoll kruċjali fid-dawl tal-investiment li qegħdin nattiraw għaż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ pajjiżna. Hawn, ser issir sejħa għal twaqqif ta’ fish farms ġodda lil hinn mill-kosta, li ser joffru opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll għażla ikbar ta’ ħut għall-konsumaturi lokali u swieq barranin,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
PR231782
| 14.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Malta Ġusta: Investiment bla preċedent fl-infrastruttura edukattiva għall-ġid ta’ wliedna u l-edukaturi tagħhom
“Il-budget għas-sena d-dieħla jikkonferma l-impenn li għandu dan il-gvern biex ikompli jtejjeb is-settur edukattiv, mhux biss bi Strateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li se twassal għal trasformazzjoni tas-settur, imma wkoll bl-investiment kontinwu li qed nagħmlu fl-infrastruttura edukattiva.” Hekk enfasizza l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu żar ix-xogħol li qed isir fl-iskola ġdida fl-Imsida.
Il-proġett kien jinvolvi t-twaqqigħ tal-iskola li kien hemm u l-bini ta’ skola kompletament ġdida fuq l-istess sit. Fuq deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, parti mill-faċċata tal-iskola l-antika nżammet u ġiet inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida.
Il-Ministru Grima tkellem dwar il-proġetti li qed isiru bħalissa mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), mifruxa mal-pajjiż kollu, biex jinbnew skejjel ġodda u jkunu modernizzati u jitkabbru oħrajn. Fi skejjel oħrajn qed issir riġenerazzjoni sħiħa biex dan ix-xogħol kollu jwassal għal ambjent edukattiv modern u aħjar kemm għall-istudenti kif ukoll l-edukaturi tagħhom.
Huwa tenna wkoll li dan il-budget huwa miżgħud b’miżuri li jixhdu l-prinċipji li jħaddan dan il-gvern fosthom il-mobbiltà soċjali, u għalhekk l-investiment b’mod qawwi fl-edukazzjoni għaliex l-edukazzjoni hija l-aqwa għodda biex il-familji jimxu ‘l quddiem.
Budget li fost oħrajn jagħti inċentiv għal dawk li jkomplu jistudjaw, tisħiħ fl-istipendju għal kulħadd u r-riforma biex tinċentiva ċerti setturi fosthom għal dawk li jridu jsiru għalliema f’numru ta’ suġġetti. Bl-istess mod hemm l-investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel.
Dan l-investiment se jwassal biex l-Imsida jkollha skola ġdida b’madwar 40 klassi, 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi fosthom l-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. Din l-iskola ġdida se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna. Id-daqs tal-iskola kollha, inkluż iż-żoni ta’ rikreazzjoni, huwa ta’ 10,000 metru kwadru.
Din l-iskola wkoll se jkollha partijiet minnha miftuħin għall-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola, fosthom il-librerija pubblika, is-sala u anki parti mill-ispazju rikreattiv. Taħt l-iskola hemm ukoll parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li jesa’ madwar 180 karozza.
Parti minn dan il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young spjega, “L-iskola l-ġdida se jkollha żewġ features innovattivi għall-iskejjel f’pajjiżna. Se jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘outdoor classroom environment’ bi spazju fuq barra b’għamara apposta u mdawwar b’siġar, pjanti u fjuri, li fih l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu lezzjonijiet fuq barra. Kunċett innovattiv ieħor huwa l-ħolqien ta’ ġonna vertikali fuq waħda mill-faċċati tal-iskola u fuq il-ħitan tal-ispazji rikreattivi.”
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €22 miljun u se jkun parzjalment iffinanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Unjoni Ewropea.
PR231778
| 13.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA
Budget ta’ €60 miljun għas-settur tal-Ġustizzja, żieda ta’ 21% mis-sena preċedenti u kważi erba’ darbiet aktar minn dak allokat taħt amministrazzjoni preċedenti
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Berġa d’Aragona, l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħabbar il-proġett infrastrutturali tal-Qorti tal-Kriminal magħrufa bħala ‘Il-Ferjol’, u elenka numru ta’ inizjattivi relatati mal-Budget għas-sena 2024, fejn għal sena oħra is-settur tal-Ġustizzja rreġistra żieda fil-budget.
Il-Ministru Attard spjega kif il-Qorti tal-Kriminal, b’investiment totali ta’ ‘l fuq minn €5 miljun, ser issarraf fi tlett awli mgħammra bl-aħħar teknoloġija, sigrieti tal-imħallfin u numru ta’ uffiċini għal ħaddiema li jassistu lill-ġudikatura. Din il-binja ser ikun fiha wkoll ir-reġistru tal-Kriminal, kif ukoll kunċett innovattiv għal pajjiżna, dak ta’ żona speċjalizzata għall-vittmi. Din l-area ser tkun aċċessibbli għall-vittmi biss u ser ikollha entratura differenti biex ikun assigurat l-aħjar protezzjoni possibbli.
Il-Ministru Attard tkellem ukoll fuq it-tisħiħ li qed isir fir-riżorsa umana f’kull entità fi ħdan il-Ministeru. L-Aġenzija għas-servizzi tal-Qorti llum tħaddem 500 ħaddiem, żieda ta’ 32% meta mqabbla ma’ qabel l-2013, 29 Court Attorney u 47 Assistent Ġudizzjarju, jiġifieri total ta’ 76 avukat ingaġġati biex jassistu l-ġudikatura. L-Aġenzija tal-Għajnuna Legali wkoll ser tara żieda sostanzjali fejn se tkun qed tingaġġa ‘l fuq minn 50 avukat u 9 prokuraturi legali, li jfisser 4 darbiet aktar minn dak ta’ qabel l-2013. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat raw żieda kontinwa minn sena għall-oħra, u llum hemm total ta’ 134 ħaddiem bejn iż-żewġ uffiċini, 3 darbiet aktar minn kemm kien hemm qabel l-2013. Saret ukoll l-akbar żieda ta’ ġudikatura, fejn sal-aħħar tas-sena pajjiżna ser ikollu Prim Imħallef, 28 Imħallef u 29 Maġistrat.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif twettqu wkoll numru ta’ proġetti infrastrutturali inkluż Awla addizzjonali fil-Qorti tal-Familja, installazzjoni ta’ Document Cameras Diġitali, sabiex jintużaw fl-awli kollha sabiex il-ġudikanti jkunu jistgħu jiproġettaw dokumenti fl-Awla, inxtara u ġie installat tgħamir ta’ video conferencing, kif ukoll ġie installat u qed tiġi operata sistema ġdida ta’ Wi-Fi. Ħidma oħra li għaddejja b’ritmu mgħaġġel u waslet biex tiġi finalizzata hija dik relatata mal-awla ġdida tal-ġurijiet u t-tnedija ta’ servizz tal-Help Desk ġewwa l-Qorti.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif l-allokazzjoni massiċċa fil-Budget 2024 għall-Ġustizzja hija prova ċara ta’ kemm dan il-Gvern għandu fuq nett tal-aġenda tiegħu s-settur tal-Ġustizzja. “L-allokazzjoni ta’ €60 miljun għas-settur tal-Ġustizzja, mhux biss ifisser żieda ta’ 21% mis-sena 2023 iżda dik l-allokazzjoni hi ta’ kważi erba’ darbiet aktar minn dak allokat fi żmien amministrazzjoni preċedenti,” temm jgħid il-Ministru Attard.
Indirizza wkoll il-konferenza is-Segretarju Permanenti Johan Galea fejn ta’ analiżi dettaljata tal-allokazzjonijiet tal-budget tal-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn spjega kif l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru kollha rreġistraw żieda sostanzjali fl-allokazzjoni tal-budget tagħhom bl-għan li jkomplu bil-mixja lejn ġustizzja effiċjenti.
PR231776
| 13.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA
€188 miljun f’investimenti fl-infrastruttura tal-elettriku u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa
€350 miljun għall-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija biex inkomplu nappoġġjaw lill-familji u n-negozji
Għas-sena 2024, il-Gvern qed jinvesti €188 miljun biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż u biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija sostenibbli. Din l-allokazzjoni ma tinkludix l-investiment ta’ €350 miljun sabiex il-Gvern ikompli jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils għall-familji u n-negozji.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat il-proġetti u l-inċentivi tal-Budget 2024 fis-settur tal-enerġija waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-mini tal-power station l-antika tal-Marsa. Permezz ta’ InterConnect Malta u l-International Energy Service Centre (IESC), il-Ministeru tal-Enerġija qed jippjana li juża dan is-sit għall-proġett innovattiv ta’ ħażna ta’ enerġija bil-batteriji fuq skala kbira, biex jimmassimizza l-potenzjal tal-investimenti eżistenti u futuri fl-enerġija rinnovabbli u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista.
Is-sena d-dieħla, €5 minn kull €100 tan-nefqa tal-Gvern se jiġu allokati għall-istabbilita tal-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija għall-familji u n-negozji. “Din l-istabbiltà hija waħda mir-raġunijiet għalfejn it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni jikber għaxar darbiet aktar mill-medja Ewropea s-sena d-dieħla. Hija wkoll waħda mill-inċentivi soċjali ewlenin tal-Gvern. Familja ta’ erbgħa li l-konsum annwali tagħha huwa ta’ €695 kien ikollha tħallas €1,300 mingħajr dan l-appoġġ tal-Gvern,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Gvern qed jalloka €55 miljun f’fondi nazzjonali u tal-UE biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż, wieħed mill-ogħla budgets li qatt ġew allokati għal dan is-settur. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-investiment se jmur għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, substations ġodda u konnessjonijiet ta’ cables ġodda, biex tiżdied il-kapaċità, ir-reżiljenzà u l-flessibilità tas-sistema li twassal l-elettriku lill-klijenti.
Il-Ministru Dalli spjegat kif Enemalta se tiftaħ sejħa għal tender ta’ €14 miljun għal ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid, li se jtejjeb is-servizzi tal-elettriku fin-Naxxar, l-Iklin, il-Għargħur, il-Mosta u l-lokalitajiet tal-madwar. Investiment simili huwa ppjanat fis-Siġġiewi, biex jikkonsolida n-network f’dawn l-akwati, inkluż iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba u nħawi oħra viċin. Aktar proġetti ta’ rinfurzar tan-network huma ppjanati madwar Malta u Għawdex.
Enemalta qed tinvesti wkoll f’kapaċità addizzjonali temporanja biex tiżgura sigurtà tal-provvista sakemm jibdew joperaw proġetti oħrajn fil-qasam ta’ enerġija nadifa fis-snin li ġejjin. Il-proġett Battery Energy Storage Systems (BESS) fil-Marsa u Delimara se jkun qed jgħin biex tegħleb l-isfidi tal-intermittenza hekk kif is-sehem tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tas-sorsi tal-pajjiż tkompli tiżdied.
Barra minn dan l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku, il-Ministeru tal-Enerġija qed jalloka €133 miljun oħra biex iħeġġeġ it-tranżizzjoni lejn settur tal-enerġija dekarbonizzat. Fl-2024, Interconnect Malta se toħroġ l-ewwel sejħa għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore fuq skala kbira fl-ibħra Maltin. It-tħejjijiet għat-tieni Interconnector bejn Malta u l-Italja (IC2) għaddej b’ritmu mgħaġġel. Permezz tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija u entitajiet oħra, il-Gvern se jestendi diversi skemi biex jinċentiva lill-familji u l-intrapriżi biex jaddottaw aktar teknoloġiji li jaħdmu b’enerġija nadifa, bħal għotjiet għal installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi, solar water heaters u heat pumps, u skemi ta’ feed-in-tariff għal sistemi t’enerġija rinnovabbli fuq skala akbar.
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvesti €315 miljun fuq diversi proġetti li se jitlestew fis-snin li ġejjin. Dawn jinkludu tisħiħ tal-impjanti tar-reverese osmosis biex iżidu l-produzzjoni tagħhom, 50 kilometru ta’ pajpijiet tad-distribuzzjoni tal-ilma u l-estensjoni tan-network tan-New Water għas-settur agrikolu.
“Qed ninvestu ħafna fuq is-sostenibbilità, l-innovazzjoni u r-reżiljenza tas-setturi tal-ilma u l-enerġija f’pajjiżna. Dan l-investiment huwa parti integrali mil-viżjoni tagħna lejn futur sostenibbli u ġust fuq kull livell tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħna,” ikkonkludiet il-Ministru.
Rappreżentanti minn ARMS, Enemalta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Enemed, Interconnect Malta, International Energy Service Centre (IESC), Petromal, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija u WasteServ ħadu sehem f’din il-konferenza tal-aħbarijiet.
PR231772
| 13.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Tkompli tissaħħaħ l-iskema ta’ terapiji għal tfal b’diżabbiltà
Il-Budget 2024 se jkompli jkun ta’ spalla għal persuni b’diżabbiltà u għall-familji tagħhom hekk kif mis-sena d-dieħla l-kreditu ta’ taxxa għal min jieħu lit-tfal sa 16-il sena għal terapiji, se jitla’ għal €500 għal kull wild.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar kif din il-miżura għandha tkompli tkun ta’ spalla għall-ġenituri li għandhom tfal b’diżabbiltà.
“Qed naraw li dan il-budget se jkun aktar minn irdoppja din l-għajnuna minn kif kienet introdotta għall-ewwel darba fil-budget ta’ sena ilu. Bil-fatti, irridu nkomplu nwieżnu lill-familji fit-titjib tal-ħajja tal-ulied,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
F’konferenza flimkien mal-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Rhoda Garland, ġie spjegat li l-gvern se jkompli jattwa dak li talbu l-familji b’inċentivi li jkomplu jkunu ta’ spalla għall-familji li uliedhom għandhom diżabbiltà.
Kien imfakkar li din il-miżura qed tkompli tibni fuq dak li daħal fis-seħħ fil-budget tas-sena kurrenti – hekk kif fil-budget preċedenti kienet introdotta għall-ewwel darba skema ta’ kreditu fuq it-taxxa li permezz tagħha ġenituri li jħallsu terapiji fil-privat għal uliedhom kienu offruti rifużjoni ta’ €200 f’kreditu ta’ taxxa.
Il-Kummissarju Rhoda Gharland spjegat li bħalissa s-CRPD qed tilqa’ l-applikazzjonijiet ta’ dawk il-ġenituri li tul l-2023 ħallsu għal terapiji għal uliedhom.
“L-iskema tapplika għal dawk l-ulied li huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u li ngħataw sessjonijiet ta’ terapija minn terapisti li għandhom warrant jew liċenzja,” fissret il-Kummissarju Garland.
Wieħed għandu jippreżenta kopja ta’ invoice/irċevuta fiskali pprovduta minn terapista flimkien mal-applikazzjoni.
Fil-każ ta’ ġenituri separati, jew li ħallsu għat-terapija flimkien, jew li għażlu li jimlew komputazzjoni tat-taxxa separata, għandhom jissottomettu żewġ applikazzjonijiet, u l-kreditu ta’ taxxa ta’ €200 jinqasam bejn l-applikanti proporzjonalment għall-ispiża li tkun inħarġet minnhom individwalment.
Wieħed jista’ jikseb formola ta’ applikazzjoni billi jew iċempel lill-Kummissjoni fuq 22267600, jibgħat email fuq [email protected] jew iniżżel il-formola minn fuq https://www.crpd.org.mt/therapy-tax-credit/.
L-applikazzjonijiet flimkien mal-invoice/irċevuta fiskali marbuta ma’ terapiji mogħtija fl-2023 għandhom jaslu fl-uffiċini tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar 2024.
PR231764
| 10.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Allowance ta’ €500 għal tliet snin għal ġenituri ta’ studenti li jkomplu jistudjaw
Il-Gvern se jkompli jgħin lill-ġenituri ta’ studenti li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena, permezz ta’ benefiċċju ġdid, li jammonta għal €500 għal perjodu ta’ 3 snin. Il-ġenituri se jkunu eliġibbli għal dan l-Allowance Speċjali jekk uliedhom ikomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja.
Din l-Allowance Speċjali se tingħata sakemm it-tfal jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jkunu studenti full-time f’xi istituzzjoni edukattiva tal-Gvern jew privata, li tkun rikonoxxuta mill-Malta Further and Higher Education Authority.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, (MCAST), mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li l-ġenituri ta’ dawk li bdew l-ewwel sena tal-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom mis-sena skolastika preżenti u għandhom 16-il sena, se jitħallsu €500 fl-2024, fl-2025 u fl-2026 (dejjem jekk uliedhom jibqgħu jistudjaw), total ta’ €1,500 fuq tliet snin.
Il-ġenituri ta’ dawk li bdew it-tieni sena tal-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom mis-sena skolastika preżenti u għandhom 17-il sena, se jitħallsu €500 fl-2024 u fl-2025 (dejjem jekk uliedhom jibqgħu jistudjaw), total ta’ €1,000 fuq sentejn.
Il-ġenituri ta’ dawk li forsi rrepetew xi sena post-sekondarja jew bdew l-ewwel sena fl-edukazzjoni terzjarja mis-sena skolastika preżenti u għandhom 18-il sena, se jitħallsu €500 darba fl-2024.
“Dan il-Gvern lest li jkompli jinvesti f’dak li huwa soċjali, anke fejn tidħol l-edukazzjoni, għax din hija ċ-ċavetta għas-suċċess. B’mod konkret qed inkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li ngħinu lill-ġenituri jkomplu jassistu lill-uliedhom fl-istudji tagħhom,” qal il-Ministru Michael Falzon.
Il-ħlasijiet se jibqgħu jsiru kull sena, jiġifieri min imbagħad jagħlaq 16-il sena fl-2024 u jibda l-ewwel sena post-sekondarja f’Ottubru tas-sena d-dieħla, il-ġenituri tiegħu wkoll jibdew jirċievu l-benefiċċju mill-2025 ‘il quddiem għal 3 snin sakemm ikun għadhom jistudjaw. Il-benefiċċju se jitħallas sa massimu ta’ 3 snin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal, “Kemm fil-leġislatura li għaddiet kif ukoll f’din il-leġislatura, qed naraw li nagħtu sostenn lill-istudenti u lill-familji tagħhom f’mument delikat fejn ikunu qed iħarsu lejn il-futur tagħhom. Qed nagħmlu dan bl-istipendji, qed nagħmlu dan permezz ta’ scholarships u grants u b’diversi skemi oħrajn biex intaffu l-piżijiet finanzjarji u ninkoraġġixxu lill-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.”
Il-ġenituri ta’ tfal li jkunu qed jattendu f’istituzzjoni edukattiva tal-Gvern ma jkunx hemm bżonn li japplikaw għall-benefiċċju għaliex meta jiġi l-waqt, jitħallas awtomatikament.
Ġenituri li għandhom uliedhom jattendu f’xi istituzzjoni edukattiva privata, ikun hemm il-bżonn li japplikaw għall-benefiċċju.
PR231763
| 10.11.23
STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA
Malta Ġusta: Aktar minn 1,000 familja se tibbenefika mill-iskema għall-insulazzjoni tal-bjut u l-aperturi bil-ħġieġ doppju
Il-Ministeru għall-Enerġija jirdoppja l-allokazzjoni ta’ din l-inizzjattiva popolari
Aktar minn 1,000 familja se jibbenefikaw mill-iskema ta’ enerġija effiċjenti għall-insulazzjoni tal-bjut u l-installazzjoni t’aperturi bi ħġieġ doppju fi djarhom.
Waqt li kienet qed tħabbar din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li għal din is-sena, il-Gvern qed jirdoppja l-investiment tal-iskema għal €1 miljun, sabiex ikompli jappoġġja aktar użu effiċjenti fl-enerġija fid-djar f’Malta u Għawdex. Fl-2022, l-iskema Roof Insulation – Double Glazing (RIDG) b’allokazzjoni ta’ €500,000 ttieħdet mill-ewwel, b’aktar minn 577 applikazzjoni fi ftit aktar minn xahar.
L-iskema RIDG, li titmexxa mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) hija miftuħa wkoll għal għaqdiet volontarji li m’għandhom l-ebda attività kummerċjali.
Din l-iskema tagħti sa 50% tal-ispiża eliġibbli għall-insulazzjoni tal-bjut jew l-aperturi bi ħġieġ doppju, sa massimu ta’ €1,000 VAT inkluża. Familji u għaqdiet jistgħu japplikaw għal fondi biex jagħmlu dawn iż-żewġ sistemi ta’ insulazzjoni termali f’daqqa, fl-istess skema.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-Budget 2024 qed jalloka aktar minn €133 miljun għat-transizzjoni enerġetika. Din l-allokazzjoni tinkludi l-estensjoni ta’ diversi skemi, bħal dawk ta’ REWS għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi, sistemi ta’ batteriji, heat pumps u solar water heaters, skemi għar-restawr tal-bjar u sistemi ta’ purifikazzjoni tal-ilma, skemi ta’ feed-in tariffs għal investimenti f’sistemi t’enerġija rinnovabbli akbar u ħafna inizzjattivi oħrajn.
Fl-2024, l-iskema tant popolari għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u batteriji fid-djar tal-familji se tiġi estiża b’investiment ta’ €4.8 miljun. B’hekk ser tipprovdi fondi għal aktar minn 1,800 familja.
“Nemmnu li l-poplu huwa l-protagonist tat-transizzjoni ambjentali lejn in-newtralità fil-klima. Il-viżjoni tal-Gvern hija li nipprovdu kemm jista’ jkun appoġġ lill-familji u lin-negozji biex jimxu f’din id-direzzjoni. Sena wara l-oħra, qed insaħħu skemi differenti biex nagħmlu din it-transizzjoni eħfef għal kulħadd,” qalet Miriam Dalli.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ REWS Marjohn Abela spjega li l-applikazzjonijiet għall-iskema Roof Insulation – Double Glazing se jintlaqgħu bejn it-Tnejn, 13 ta’ Novembru 2023 u l-Ħadd, 31 ta’ Diċembru 2023 jew sakemm il-fondi jiġu assorbiti. Il-formoli tal-applikazzjonijiet online u l-linji gwida tal-iskema jinsabu fis-sit www.rews.org.mt. Applikanti prospettivi jistgħu ukoll iċemplu lis-servizz t’għajnuna tal-Gvern Servizz.Gov fuq 153, għal aktar għajnuna.
Is-suppliers jistgħu jirreġistraw il-prodotti tagħhom mil-lum permezz ta’ email li trid tintbagħat lir-Regolatur fuq [email protected].
PR231762
| 10.11.23
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Il-Prim Ministru jżur familja li ispirat waħda mill-iktar miżuri b’saħħithom fis-settur tad-diżabbiltà
Il-familja fid-diversi forom tagħha u sitwazzjonijiet tal-ħajja li tkun qed tgħix fihom tibqa’ fiċ-ċentru ta’ ħidmietna biex Malta tkun ġusta magħha. Dan kien messaġġ li wassal il-Prim Ministru meta ltaqa’ mal-familja Formosa fir-residenza tagħha f’Birżebbuġa.
Familja li hija xhieda ta’ kif il-politika tal-Gvern qed tkun imfassla min-nies, hekk kif kienet proprju hi li ssuġġeriet il-kunċett ta’ Carer’s Grant, hekk kif wieħed minn tlett ulied għandu diżabilità severa. B’dan il-grant qed jissarraf f’sostenn lil ġenituri li jkunu kostretti jieqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom b’diżabilità, li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena.
Fil-Budget li ħabbar il-Gvern għas-sena d-dieħla din il-miżura se tissaħħaħ, bl-għotja issa se tiżdied b’€487 u għalhekk titla’ għal kważi €5,000 fis-sena. Dan wara li minn din is-sena bdiet titħallas daqs nofs il-paga minima.
“Konna ilna s-snin nissuġġerixxu din l-għajnuna għal familji bħalna, illum għandi l-ibni adult imma grati li ngħatajna widen,” saħqet il-familja Formosa hi u tirrimarka li miżuri oħra wkoll se jolqtuha b’mod pożittiv għaliex wild żagħżugħ ieħor fil-familja qed jistudja fl-MCAST u l-familja se tgawdi mill-għotja ta’ €1,500 fuq medda ta’ tliet snin għal ġenituri ta’ tfal li jibqgħu jistudjaw full-time wara l-edukazzjoni obbligatorja.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-qasam tad-diżabilità jibqa’ parti integrali fil-politika soċjali tal-Gvern li jwieżen u jgħin lil kulħadd, iżda l-aktar lil min jeħtieġ spalla.
Ġie nnutat ukoll kif il-Budget 2024 saħħaħ miżura li tgħin il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità billi żied il-kreditu tat-taxxa fuq terapija ta’ wlied b’diżabilità bi €300, biex issa se jitla’ għal €500. L-inklużjoni tibqa’ punt importanti f’dan il-qasam fejn il-Gvern żied l-allokazzjoni għall-iskema ta’ assistenti personali lill-persuni b’diżabilità, b’miljun ewro, biex issa l-investiment se jiżdied għal €5.2 miljun.
F’diskussjoni mal-familja, il-Prim Ministru rrimarka li t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji jibqa’ l-għan ewlieni tal-Gvern, filwaqt li aċċenna li l-Budget soċjali li jaħseb ukoll għall-futur ta’ dan il-pajjiż huwa parti mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’ u fisser kif ix-xhur li ġejjin se jkunu importanti biex il-miżuri jkunu implimentati biex bihom igawdu l-familji u Malta tkun ġusta ma’ kulħadd.
PR231758
| 09.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Malta Ġusta: Għas-sena d-dieħla, €95 miljun iktar investiment dirett f’uliedna
F’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri tal-Budget 2024, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjegaw il-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla, li jammontaw għal €95 miljun iktar f’allokazzjoni mill-Budget għal din is-sena.
“Dan huwa gvern li qiegħed jinvesti bla preċedent f’oqsma li huma fost l-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan il-budget qed ikompli jibni fuq dak li wettaqna fil-leġiżlatura li għaddiet u fuq iż-żewġ budgets ta’ din il-leġiżlatura, billi qed ikompli jagħti prijorità lis-settur tal-edukazzjoni u lil dak tal-isport. Miżuri fl-edukazzjoni li jsaħħu l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, li hija strateġija li se tittrasforma s-settur edukattiv u miżuri fl-isport li se jkomplu jsaħħu lil dan is-settur”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
F’dan il-budget il-gvern qed jalloka investiment ta’ €910 miljun għall-ministeru li jkopri l-edukazzjoni, l-isport, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-Ministru Clifton Grima spjega li se jkompli għaddej l-investiment fl-infrastruttura edukattiva, bir-rinnovar u modernizzar ta’ diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, fosthom l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Se jibdew ukoll il-fażijiet preliminarji fuq skejjel primarji ġodda fil-Mosta u fil-Mellieħa.
Huwa saħaq li l-ikbar investiment li l-pajjiż jista’ jagħmel huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman. Għalhekk dan il-budget jara t-tisħiħ tal-programmi ta’ scholarships u tax credits għall-istudenti. Fost miżuri oħrajn hemm l-allowance speċjali ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni wara l-età obbligatorja; żieda ta’ €64 fis-sena fl-istipendji għall-istudenti – żieda pro rata għall-għoli tal-ħajja – filwaqt li se jkomplu jiżdiedu l-istipendji f’korsijiet partikolari; se jibda l-proċess preliminari biex jitwaqqaf mill-ġdid l-Istitut tas-Snajja’ u l-estensjoni tal-one-tablet-per-child, u tkompli l-ħidma biex jitqassam laptop ġdid lil kull student fis-seba’ sena.
“Dan il-gvern jagħraf li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma l-edukaturi u għalhekk li l-gvern se jagħmel l-almu tiegħu biex fix-xhur li ġejjin jiġi konkluż u ffirmat il-ftehim tal-edukaturi. Kull darba li npoġġu mal-mejda tan-negozjati naraw li nżidu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, b’mod b’saħħtu iżda li jkun ukoll sostenibbli. Hekk tfisser Malta Ġusta”, ikkonkluda l-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti spjega kemm il-gvern qiegħed jinvesti dejjem aktar fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sors ekonomiku b’saħħtu għas-snin li ġejjin.
“L-investiment li qegħdin nagħmlu f’dan il-qasam jixhed il-viżjoni fit-tul li għandu l-gvern. Qegħdin ninvestu fir-riżorsa umana sabiex joħolqu prodotti u servizzi ġodda, mhux biss għas-suq lokali, iżda anki għal barra minn xtutna, bil-għan aħħari hu li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”, kompla jgħid Keith Azzopardi Tanti.
Is-segretarju parlamentari kkonkluda billi enfasizza kemm il-budget kien wieħed pożittiv, anki għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, b’diversi benefiċċji li qegħdin ikomplu jinċentivawhom biex itejbu l-edukazzjoni tagħhom u jkollhom ħajja attiva f’pajjiżna.
PR231752
| 08.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
L-ikbar żieda fiċ-children’s allowance fl-istorja ta’ pajjiżna b’Budget għal Malta Ġusta
Il-familji huma fost l-aktar li gawdew u ser ikomplu jgawdu minn diversi miżuri li huma mmirati sabiex isaħħu l-livell ta’ għajxien. Miżuri li dejjem raw lill-familja bħala prijorità u li jkunu ta’ sostenn. Dan kien il-qofol tal-messaġġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u li matulha elenka miżuri bħaċ-children’s allowance u l-bonus tat-twelid u l-adozzjoni li se jkomplu jissaħħu mis-sena d-dieħla.
Il-Ministru Michael Falzon tenna li dan il-Gvern se jkompli jinvesti fit-tfal filwaqt li ser jibqa’ jibni fuq il-legat ta’ Gvernijiet li taw l-għajnuniet, fejn aktar minn ħamsin sena ilu introduċew iċ-Children’s Allowance u l-Paga Minima fost oħrajn.
”Nemmnu li din l-allowance għandu jgawdi minnha kulħadd, irrelevanti d-dħul tal-ġenituri jew ta’ dawk li għandhom kura tat-tfal. Niftakru żmien taħt Amministrazzjoni preċedenti fejn mhux kull familja kienet tibbenefika minn children’s allowance sħiħ, għax rabtu dan il-benefiċċju mad-dħul tal-ġenituri u mhux mat-tfal. Aħna biddilna dan minn ħames snin ilu u ser nibqgħu nsaħħuh”, sostna il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif mis-sena d-dieħla dan il-Gvern se jżid din l-allowance b’€250 kull wild. Din hija l-akbar żieda li qatt ingħatat fil-ħamsin sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju u ser tolqot aktar minn 41,000 familja bi 62,000 tifel u tifla. Dawn ser igawdu minn sostenn ta’ €15.5 miljun.
Apparti ċ-children’s allowance, kien spjegat li ser tingħata żieda oħra fil-bonus għat-twelid u adozzjoni. Għat-tieni darba dan il-bonus ser jiżdied minn €400 għal €500 għal għall-ewwel wild u minn €400 għal €1,000 għat-tieni wild ġdid jew aktar fil-familja. Din il-miżura mistennija tolqot madwar 3,200 familja.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar it-twessiegħ għal krediti tat-trobbija sabiex ġenituri li l-ewwel bnew familja u mbagħad daħlu fid-dinja tax-xogħol, ikunu wkoll intitolati għal dawn il-krediti tat-trobbija minħabba li sal-lum mhumiex.
Intant waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, ingħatat informazzjoni dwar miżuri oħrajn li komplew jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-familji, ewlenija fosthom il-garanzija għat-tfal u ż-żgħażagħ, it-tisħiħ fl-in-work benefit u l-fostering allowance.
PR231749
| 07.11.23
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI
Malta Ġusta: Regolamenti ġodda għall-aġenziji tat-temping u tisħiħ tad-djalogu soċjali
F’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri tal-Budget 2024, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li fiż-żmien li ġej se titnieda l-liġi li tirregola t-temping agencies. Andy Ellul spjega li permezz ta’ dan il-qafas leġiżlattiv se jiġu introdotti numru ta’ kriterji li wieħed għandu jilħaq biex ikun jista’ jopera f’dan il-qasam.
Is-segretarju parlamentari spjega wkoll li ser tiġi introdotta sistema ta’ liċenzji għal dawn l-aġenziji sabiex biha jkunu jistgħu joperaw u jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. L-għan aħħari jkun li f’pajjiżna jiġu ħaddiema ta’ kwalità biex jaħdmu f’setturi li vera hemm il-ħtieġa għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul għamel aċċenn ukoll għall-ħidma li qed issir biex jiddaħħal il-kunċett tal-“equal pay for work of equal value” għall-ħaddiema ta’ dawn l-aġenziji, kif ukoll għal bdil fil-liġi biex kull ħaddiem tas-settur privat jibda jirċievi s-salarju tiegħu f’kont bankarju, bħall-ħaddiema tas-servizz pubbliku u tas-settur pubbliku.
“Is-sena li ġejja se tissokta l-akbar allokazzjoni finanzjarja sabiex ikompli jissaħħaħ id-djalogu soċjali bejn il-gvern, min iħaddem, u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, għaliex aħna nemmnu fl-importanza ta’ djalogu soċjali b’saħħtu li jwassal biex il-gvern jieħu deċiżjonijiet b’rakkomandazzjonijiet li jgawdi minnhom kulħadd”, qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
“Għalhekk se tkun qed titwaqqaf entità ġdida li ser tkun qed issaħħaħ il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika f’pajjiżna. Din l-entità ser tkun qed taħdem id f’id mal-MCESD u sservi ta’ sapport għall-imsieħba soċjali”, tenna Andy Ellul.
Is-segretarju parlamentari qal ukoll li d-drittijiet tal-ħaddiema huma ferm għal qalb dan il-gvern u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi huwa katalist f’din il-mixja sabiex id-drittijiet jiżdiedu għall-ħaddiema kollha u għalhekk saret reviżjoni tal-Work Regulation Orders (WROs) li se twassal biex ċerti anomaliji fil-liġi eżistenti jiġu indirizzati u għaldaqstant jiġu regolati u armonizzati d-diversi setturi.
PR231748
| 07.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA
Malta Ġusta: Investiment favur l-anzjani
Jitlesta proġett ieħor b’investiment ta’ €1 miljun li qed jara, għal darb’oħra, titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani f’San Vinċenz, ħabbar il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet.
B’dan il-proġett, is-sodod f’San Vinċenz issa kollha jaħdmu bl-elettriku u huma ħafna iżjed komdi, siguri u effiċjenti għall-anzjani li għandhom problemi ta’ mobilità.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li dan il-proġett qed ikompli juri t-titjib fil-kwalità tal-ħajja li qed joffru lill-anzjani. Permezz ta’ dawn is-sodod, mhux biss ser ikun qed jgħin l-anzjani fil-mobilità tagħhom, imma wkoll ser jgħin lill-professjonisti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-miżuri li l-gvern ippreżenta fil-Budget 2024. “L-anzjani kienu fiċ-ċentru ta’ budget ieħor b’saħħtu u soċjalist. L-anzjani raw l-ogħla żieda fl-istorja fil-pensjonijiet, ta’ €15 fil-ġimgħa, fejn ser tkompli tgħinhom finanzjarjament fil-ħajja tagħhom,” tenna l-Ministru Abela.
Huwa kompla jispjega li f’dak li jirrigwarda investiment għall-anzjani fil-komunità, ser ikomplu joffru aktar servizzi u miżuri li bihom jgħinu lill-anzjani li għadhom jgħixu fi djarhom, fosthom ser ikomplu jtejbu l-iskema ta’ Carer at Home fejn ser jgħinu anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità u għandhom bżonn assistenza. Il-gvern ser ikun qed iżid din il-miżura b’€1,000 oħra għal €8,000 fis-sena.
Il-Ministru Abela semma wkoll li f’San Vinċenz, li huwa l-ikbar residenza li għandna f’pajjiżna, il-gvern ser ikompli jinvesti biex jara li din ir-residenza jkompli jkollha l-ogħla livell ta’ kwalità. Hu spjega li ser ikompli jsir xogħol ta’ rinnovar fis-swali. Semma wkoll li ser isir xogħol ta’ immodernizzar fis-swali St Francis 1 u 2 b’investiment li jilħaq €1.6 miljun. Dan ir-rinnovar ser ikompli jtejjeb il-ħajja tar-residenti li jinsabu f’dawn is-swali.
Kompla jgħid li fix-xhur li ġejjin ser ikomplu l-proċess ta’ tkabbir fis-servizz mediku li jiġi offrut f’San Vinċenz. Ser ikun qed jitlesta t-tieni sular li ser jara żvilupp tal-farmaċija u ser ikomplu jinvestu f’apparat mediku. Dan ser ikompli joffri l-ogħla kura ta’ kwalità li r-residenti jingħataw f’San Vinċenz stess kif ukoll ser ikunu qed jinvestu f’numru ta’ kliniċi ġodda li ser joffru kura wkoll lin-nies li għadhom jgħixu fil-komunità. Il-ministru semma wkoll il-proġett li diġà bdew ix-xogħlijiet fuqu, dak ta’ Therapeutic Farm and Recreation Centre.
“Dawn l-investimenti jkomplu juru l-ħidma li l-gvern qed iwettaq fis-settur tal-anzjani, u juri kemm l-anzjani huma fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna li jkomplu jingħataw l-ogħla servizz possibbli”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
PR231742
| 06.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI
Għal sena oħra jiżdied l-investiment għas-settur tal-akkomodazzjoni
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes innota kif għal sena oħra, il-Gvern, fil-Budget bit-tema Malta Ġusta, reġa’ żied l-allokazzjoni finanzjarja għas-settur tal-akkomodazzjoni. “Għal darb’oħra qegħdin inwettqu bidliet essenzjali fil-benefiċċju tal-kera li jsaħħu, b’mod sostanzjali, l-għajnuna li introduċejna fl-aħħar snin,” qal il-Ministru Galdes.
Il-Ministru Roderick Galdes semma kif, fil-Budget, waħda mill-aktar miżuri importanti għas-settur tal-akkomodazzjoni hija dik tat-tisħiħ tal-Benefiċċju tal-Kera għall-inkwilini. Il-benefiċċju se jkun qed jiżdied:
• Minn €3,600 għal €4,200 fis-sena għal persuna li tapplika waħedha;
• Minn €4,800 għal €5,400 fis-sena għal familja b’wild wieħed;
• Minn €5,000 għal €6,000 fis-sena għal familja b’żewġ ulied u aktar.
Kien imħabbar ukoll li se jiżdied il-minimu li jista’ jingħata lil benefiċjarju li se jkun ammont mhux anqas minn €125 fix-xahar.
Il-Ministru Galdes enfasizza kif f’dan il-Budget, il-Gvern qiegħed jippremja lis-sidien Maltin u Għawdxin għall-kontribuzzjoni li huma jagħtu lejn l-iskemi ta’ akkomodazzjoni soċjali f’dan il-pajjiż. Dan għaliex se titneħħa t-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri ta’ proprjetajiet residenzjali li jkunu jaqgħu taħt skemi tal-Awtorità tad-Djar fejn l-Awtorità tkun kriet proprjetà privata u allokata lil benefiċjarji tal-akkomodazzjoni soċjali. Il-Ministru kompla jispjega li l-istess se jgħodd meta jkollna ċirkostanzi fejn sid li kien qiegħed jikri proprjetà residenzjali lil persuna jew familja li tkun qiegħda tibbenefika mis-sussidju tal-kera, jagħżel li jbigħ dik il-proprjetà lill-istess inkwilin li jkun qed jirċievi l-assistenza mill-Awtorità. Is-sidien sejrin jiffrankaw ukoll it-taxxa tal-bejgħ fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tat-trasferiment meta jbigħu dawn il-proprjetajiet lil kerrej preżenti.
Il-Ministru Roderick Galdes irrimarka kif il-miżuri kollha mħabbra fil-Budget 2024 jiddefinixxu t-tema ewlenija ta’ Malta Ġusta u jikkonfermaw li l-Gvern għandu jdejh fuq polz il-poplu Malti u Għawdxi.
Fost miżuri oħrajn li tħabbru fil-Budget 2024 u li se jkunu qed ikomplu jsaħħu lis-settur tal-akkomodazzjoni, se tkun emendata l-iskema tal-Għotja biex tgħin lis-sidien fil-bini, irranġar u/jew tkomplija tal-ewwel residenza tagħhom (kif magħrufa fil-qosor bħala l-GFR scheme) sabiex neliminaw l-anomalija li kien hemm fejn koppji jaqilgħu aktar flus minn applikanti single anke jekk l-ispejjeż tagħhom ikunu l-istess.
Il-Kap Eżekuttiv tal Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon illi sena wara sena il-Budget fdat f’idejn l-Awtorità tad-Djar qiegħed kontinwament jitwessa’ u jiġi msaħħaħ sabiex inkomplu nassiguraw l-istabbiltà tal-familji. Sostna li waqt li bħala nazzjon nibqgħu ninvestu fl-Awtorità tad-Djar, is-soċjetà Maltija dejjem ser ikollha serħan il-moħħ fis-settur tal-akkomodazzjoni bħala pedament għall-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin u l-Maltin.”
PR231739
| 06.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA
Malta Ġusta: Budget bl-ikbar investiment fit-teknoloġija bħala għodda ta’ prevenzjoni għall-kriminalità, u l-ugwaljanza
Permezz tal-Budget għas-sena d-dieħla se jissokta l-investiment bla preċedent fis-sigurtà ta’ pajjiżna, fil-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam u f’għodod teknoloġiċi ġodda ta’ prevenzjoni għall-kriminalità. Dan bil-għan li l-ekonomija u l-komunitajiet tagħha jinqdew aħjar fl-isfond ta’ sisien sodi ta’ sigurtà, u f’soċjetà ugwali. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, liema konferenza trattat il-miżuri tal-Budget 2024 fl-oqsma tal-intern, is-sigurta, ir-riformi u l-ugwaljanza.
Il-Ministru Camilleri spjega li, meta mqabbel mal-2012, il-Budget tas-sena d-dieħla huwa tliet darbiet u nofs akbar fejn tidħol nefqa kapitali u aktar mid-doppju fejn tidħol nefqa rikorrenti. Hu qal li dan l-investiment jikkumplimenta għadd ta’ miżuri oħra li daħlu fis-seħħ fl-aħħar sena li jwieżnu lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-sigurtà u li se jkomplu jissaħħu fis-sena li ġejja. Dan hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja pensjonanti tas-servizz li ma kienu jieħdu ebda żieda tal-għoli tal-ħajja, issa se jingħataw bonus addizzjoni daqs iż-żieda sħiħa li tingħata għall-għoli tal-ħajja. Matul din is-sena il-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati ser ikomplu jaraw żidiet fil-kundizzjonijiet tagħhom maqbula fil-ftehimiet kollettivi.
Il-Ministru Camilleri fisser ukoll kif miżuri tal-Budget bħal Patrol and Community Support Officer u r-Road Policing li se jkunu operati mill-Korp tal-Pulizija għandhom iseddqu aktar ambjent sigur għall-komunitajiet. Bl-istess mod il-Budget se jiffoka ferm aktar fuq l-aspett teknoloġiku fil-ħarsien tas-sigurtà, u dan wara li l-aġenzija LESA se tinvesti f’teknologija ta’ cameras ikkollegati mal-aġenzija stess u mal-pulizija bħala deterrent kontra abbużi u aġir kriminali. Dawn se jkunu varati f’San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, il-Marsa u Raħal Ġdid.
“Matul iż-żmien li ġej il-Parlament se jintalab jgħaddi liġi dwar l-electornic tagging filwaqt li vittmi ta’ vjolenza domestika se jingħataw alarms li se jkunu mqabbda direttament mas-sistema tal-pulizija, biex f’każ ta’ bżonn tittieħed azzjoni immedjata. Din is-sistema se tkun ħolqa oħra mill-katina ta’ miżuri li saru favur il-vittmi tal-kriminalità. Fil-fatt fix-xhur li ġejjin se jibda jaħdem ukoll ċentru tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija, li se jiġbor fih uffiċjali tal-pulizija u professjonisti oħra biex jassistu vittmi ta’ vjolenza domestika. Se jkun qed jinfetaħ ukoll ċentru ieħor fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta,” sostna l-Ministru Camilleri. Il-ministru fakkar li fl-aħħar snin saret enfasi fuq ir-riabilitazzjoni fejn is-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jinvesti biex jinfetħu żewġ half-way houses oħra biex titjieb ir-riintegrazzjoni ta’ priġunieri fis-soċjetà wara li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg saħqet li dan huwa Gvern li bil-provi qed iwettaq dak li wiegħed u dejjem iżomm kelmtu mal-poplu. “Jiena nħares ‘il quddiem lejn l-implimentazzjoni tal-Budget li bih se jkun qed jagħmilha possibbli li mis-sena d-dieħla ser nibdew nipprovdu l-prodotti menstruwali lill-istudenti bniet fl-iskejjel tagħna. Din il-miżura tfisser investiment ta’ nofs miljun ewro. Dawn huma flus li ser ikunu investita tajjeb sabiex inkomplu neqirdu din l-istigma u faqar soċjali li għadha taħkem lis-soċjetà tagħna,” qalet Rebecca Buttigieg.
Barra minn hekk, is-segretarju parlamentari elenkat diversi miżuri oħra li l-Budget 2024 ser jkun qed jiffinanzja, fosthom it-tnedija tat-tielet Strateġija u Pjan Ta’ Azzjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, tisħiħ tal-kampanja edukattiva dwar il-Harm and Risk Reduction grazzi għall-investiment kontinwu fl-awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, u kif ukoll żieda fil-faċilitajiet u servizzi offruti lill-komunità LGBTIQ. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg għalqet l-indirizz tagħha billi tenniet fuq il-fatt li fl-2024 pajjiżna se jkun għamel passi kbar biex bħalma dejjem għamel, il-Gvern jkompli jonora l-kelma li ta lill-elettorat u dan se jkun qed iseħħ mingħajr ebda żieda ta’ taxxa jew introduzzjoni ta’ taxxi oħra.
PR231736
| 04.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Inawgurat it-tielet one-stop-shop għas-settur tal-volontarjat – Mal-290 għaqda volontarja jistgħu jgawdu mill-kreditu ta’ taxxa mħabbra fil-Budget
Is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna kompla jissaħħaħ. Dan hekk kif ġie inawgurat fir-Rabat Malta t-tielet one-stop-shop għal dan is-settur biex issa f’pajjiżna hawn tliet ċentri. It-tnejn l-oħra jinsabu fil-Belt Valletta u Birkirkara. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jinfetaħ ieħor fix-Xewkija, filwaqt li s-sena d-dieħla kif tħabbar fil-Budget se jinfetaħ ieħor fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur dawn iservu bħala punti ta’ referenza għall-għaqdiet volontarji dwar servizzi u programmi ta’ fondi li jistgħu japplikaw għalihom u l-amministrazzjoni tagħhom.
L-inawgurazzjoni tal-one-stop-shop fi Triq Bartolomew ir-Rabat saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli li spjegat kif dan il-Budget se jkun qed jagħti l-akbar ammont ta’ għajnuna li qatt ingħatat lill-għaqdiet volontarji. Dan mhux biss permezz ta’ żieda fil-fondi imma wkoll permezz ta’ krediti ta’ taxxa li qed ikunu mnedija għall-ewwel darba biex ikunu megħjuna mhux biss l-għaqdiet volontarji iżda wkoll dawk l-azjendi li jagħtu donazzjonijiet lill-għaqdiet.
“Dejjem emminna li l-volontarjat għandu sehem soċjo-ekonomiku importanti f’pajjiżna. Il-ftuħ ta’ din il-faċilità huwa t-twettiq ta’ waħda mill-wegħdiet elettorali. U dan il-Budget qed ikompli jibni fuq dak li nemmnu fih”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli. “Wieħed mill-akbar investimenti f’dan is-settur huwa l-aċċess għall-fondi, li minn din is-sena komplew jiżdiedu l-iskemi minn entitajiet pubbliċi diversi. Matul is-sena 2023 tqassmu ftit inqas minn €1.5 miljun f’fondi mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Volontarjat. Fil-Budget għas-sena 2024 ġew allokati ftit aktar minn €2 miljuni”, irrimarkat il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Ministru spjegat kif bl-inċentiv ġdid li se jintroduċi l-Budget tal-2024, dawk l-ażjendi li jagħtu donazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-Volontarjat u li jaħdmu b’mod dirett fil-qasam soċjali, ambjentali jew b’riżq l-annimali ser jingħataw kreditu ta’ taxxa fuq donazzjonijiet sa massimu ta’ €500. Permezz ta’ din il-miżura ser ikunu qed igawdu xejn inqas 290 għaqda volontarja. Fi tmiem id-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret kif is-sena dieħla se titnieda skema ta’ fondi ġdida lill-għaqdiet volontarji u l-każini tal-baned b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, ħeġġet lill-għaqdiet u lil dawk kollha li jamministrawhom sabiex jagħmlu kuntatt mal-Kunsill, jistaqsu dwar dawn iċ-ċentri u s-servizzi offruti, u jaraw kif dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet intiżi għalihom. Qed jiġi offrut ukoll taħriġ kontinwu, flimkien ma’ numru ta’ inizjattivi, fondi, riżorsi u assistenza f’kull ċirkostanza li għaqda tista’ tiġi bżonn. Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, qal li permezz ta’ dawn iċ-ċentri l-Kunsill se jkun jista’ jiltaqa’ regolarment mal-għaqdiet sabiex dawn ikunu provduti bl-għajnuna meħtieġa fil-qalba tal-komunità stess.
Mill-one-stop-shops ikunu offruti diversi faċilitajiet ġodda, fosthom informazzjoni dwar dak kollu disponibbli għall-voluntiera u l-għaqdiet volontarji mill-MCVS u entitajiet pubbliċi oħra li jappoġġjaw is-settur. Dan l-appoġġ jinkludi kemm għajnuna fir-reġistrazzjonijiet varji u anki opportunitajiet ta’ fondi u skemi. Apparti dan, iċ-Ċentru tar-Rabat se jkompli jsaħħaħ ukoll is-servizz ta’ numru ta’ kmamar li jipprovdu fejn l-għaqdiet jistgħu jtellgħu laqgħat u attivitajiet oħra tagħhom. Se jkun hemm ukoll tagħmir teknoloġiku disponibbli għall-użu tal-għaqdiet. Ħaddiema tal-MCVS se jkunu preżenti wkoll fiċ-Ċentru kull ġimgħa.
PR231731
| 03.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Malta Ġusta: Skema ta’ €5.1 miljun minn fondi Ewropej għall-bdiewa u għar-raħħala żgħażagħ
Bdiewa u raħħala żgħażagħ ser ikunu jistgħu jibbenifikaw minn €5.1 miljun ta’ fondi Ewropej sabiex jimirħu fis-settur agrikolu u jinvestu f’teknoloġija moderna. Ħabbru dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt żjara f’razzett immexxi minn żagħżugħa ta’ 25 sena li riċentament irċeviet din l-għajnuna sabiex tibda tipproduċi prodotti tal-ħalib.
Dawk eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €100,000, sabiex iwettqu pjan ta’ negozju li jwassal għall-istabbiliment tan-negozju tagħhom fl-agrikoltura. Dan il-fond żdied bi €30,000 mill-iskema preċedenti.
Il-Ministru Anton Refalo spjega, “Din l-iskema hija maħsuba għall-bdiewa żgħażagħ tagħna li tant għandhom bżonn għajnuna u appoġġ sabiex jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw sabiex jistabbilixxu ruħhom fis-settur agrikolu. Iż-żgħażagħ huma essenzjali għas-sostenibbiltà ta’ settur li għandu bżonn rinnovazzjoni sabiex ikompli jiffunzjona u jissaħħaħ fis-snin li ġejjin.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega kif bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej flimkien mas-sussidji tal-gvern, ser inkunu qed nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-settur agrikolu billi nappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ filwaqt li nissalvagwardjaw il-provvista tal-ikel f’pajjiżna.
“Dan il-gvern huwa kommess li jibqa’ jindirizza r-realtajiet li jiltaqa’ magħhom kull individwu f’kull settur ta’ pajjiżna filwaqt li jaħseb għall-ħaddiema ta’ għada, bħalma huma l-bdiewa u r-raħħala żgħażagħ tagħna, sabiex verament ikollna Malta Ġusta għall-ġid tal-komunità,” tenna Dr Bonett.
Dawk eliġibbli huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-Awtorità ta’ Ġestjoni jew mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) għal aktar gwida, biex b’hekk ikunu jistgħu jikkonfermaw l-eliġibbiltà tagħkom u jħejju l-applikazzjoni tagħhom biex japplikaw fl-aħħar ta’ Novembru.
PR231729
| 03.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Malta Ġusta: Baġit b’saħħtu għal Għawdex li permezz tiegħu se jkomplu jiġu ffinanzjati diversi proġetti
Il-Budget 2024 huwa wieħed b’saħħtu għal Għawdex, li se jkompli jiffinanzja diversi proġetti u li qed jinċentiva bis-sħiħ l-istrateġija għal Għawdex għall-10 snin li ġejjin sabiex il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi verament issir realtà. Barra minn hekk, tħabbar li €58 miljun ta’ fondi Ewropej ġew iddedikati esklussivament għal inizjattivi u azzjonijiet iffukati fuq Għawdex. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Santa Margerita f’Ta Sannat.
Huwa qal li f’dan il-baġit tħabbru diversi miżuri u inizjattivi għal Għawdex, kollha parti minn strateġija li l-għan tagħha huwa li tixpruna tranżizzjoni ekonomika u soċjali biex l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Fosthom semma li mis-sena d-dieħla żdied il-grant minn €30,000 għal €40,000 għax-xiri tal-proprjetajiet f’Għawdex, minn first-time buyers, li huma f’UCA jew li ilhom vakanti.
Tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir relatata mal-iżvilupp sostenibbli, fil-qasam tal-ippjanar sabiex jiġu adottati policies marbuta mal-estetika f’pajjiżna. Din sabiex jiġu promossi prattiċi tajbin, jiġu mħarsa streetscapes u l-aspett tal-estetika jkun aktar integrat fil-proċess tal-ippjanar. Fil-fatt, Għawdex se jingħata attenzjoni partikolari bil-għan li jitwettqu inizjattivi fid-dawl tal-istrateġija li ġiet imħabbra għal Għawdex.
Fi Pjazza Santa Margerita, il-Ministru Camilleri tkellem dwar il-proġett li għaddej fiha u spjega li, “Dan hu proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni, għaliex kif wegħedna, irridu nagħtu prijorità lit-tisbiħ u lit-tisħiħ tal-pjazez filwaqt li nagħtu aktar spazji miftuħa lin-nies. Dan hu l-mod ċentrali kif qiegħed jaħdem dan il-gvern, bil-mira tagħna għal Malta Ġusta. Il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi se tibqa’ tiggwidana tul kull intervent fil-qalba ta’ kull raħal fi gżirietna.”
Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita huwa biss wieħed minn għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa fil-gżira Għawdxija. Il-Ministru Camilleri semma li għas-sena d-dieħla, il-Ministeru għal Għawdex għandu ddedikati €8 miljun sabiex tkompli tittejjeb l-infrastruttura tat-toroq madwar il-gżira.
Semma wkoll li għaddejjin diversi proġetti li jolqtu direttament lit-tfal, lill-familji tagħna u lill-anzjani fosthom il-proġett ta’ Dar San Ġużepp, dar tal-anzjani tal-ogħla standards u aċċessibbli, se tibda topera f’Marzu li ġej, se tilqa’ 120 resident u se tikkonsisti f’żoni mdaqqsa ta’ spazji soċjali u spazji ħodor fuq barra. Qal li għaddej ukoll ix-xogħol f’Taċ-Ċawla biex filwaqt li tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali, l-ispazju miftuħ jiġi rinnovat u mkabbar għall-familji u r-residenti tal-inħawi. Fakkar li ftit tal-jiem ilu ġiet inawgurata l-Klinika tad-Dentistrija f’Għajnsielem, Għawdex, b’investiment li jaqbeż iż-€2 miljun.
Kompla jgħid li fir-Rabat, Għawdex, għaddej ix-xogħol fuq il-bini tal-iskola primarja ġdida kif ukoll l-estensjoni u r-rinnovar estensiv tal-middle school b’investiment li jaqbeż il-€21 miljun. Fil-bidu tas-sena d-dieħla x-xogħlijiet fuq il-middle school se jkunu tlestew u b’hekk l-istudenti u l-għalliema se jkunu jistgħu jibdew jużaw l-iskola l-ġdida. L-iskola primarja mistennija tkun lesta sas-sajf 2024. Dan ukoll minbarra l-investiment ta’ €6 miljun li sar fl-iskola primarja tan-Nadur.
Il-Ministru Clint Camilleri semma l-investiment li sar fil-kura primarja f’Għawdex fejn ġew immodernizzati diversi ċentri tas-saħħa u ddaħħlu servizzi ġodda. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid fir-Rabat, Għawdex u li minnu se jkunu offruti numru ta’ servizzi li sa issa kienu jingħataw biss mill-isptar kif ukoll berġa oħra fil-Qala. Se tkompli wkoll il-ħidma fuq il-Mużew ta’ Għawdex u ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Il-Ministru Camilleri semma l-investiment li sar u li qed iħalli l-frott sabiex jibda jopera s-servizz tal-Fast Ferry u spjega li biex tkompli tittejjeb l-aċċessibbiltà il-Gvern qed jaħdem fuq l-iżvilupp tal-Gozo Airfield. Dwar is-settur tat-turiżmu huwa qal li se jkomplu l-iskemi ta’ inċentivi b’aktar investiment kollettiv biex jissaħħu l-prodott u l-esperjenza li Għawdex joffri u qal li filwaqt li se tkompli tiġġedded il-brand tal-VisitGozo, se jkomplu jkunu sostnuti skemi ta’ Extended Stays fil-low season, appoġġ lill-operat f’reklamar diġitali u investiment fil-prodott tat-turiżmu.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-għan ta’ dan il-Gvern huwa li jkompli jaħdem sabiex Għawdex jilħaq il-potenzjal tiegħu, ir-residenti jkollhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja u dawk li jżuru Għawdex ikollhom l-aqwa esperjenza. Din hija l-mira tal-Gvern għal Malta Ġusta.
Il-Proġett ta’ Riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita, Ta’ Sannat
Pjazza Santa Margerita hija waħda mill-akbar spazji pubbliċi fil-gżira Għawdxija, bir-riġenerazzjoni tagħha tkun prijorità kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi sabiex mhux biss tingħata lura Pjazza li tikkumplimenta l-karatteristiċi tal-bini urban tal-madwar, iżda pjazza b’arranġament aħjar għat-traffiku, fejn jingħataw preċedenza ż-żoni pedonali u l-aċċessibilità.
Din il-pjazza, iddominata mill-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Margerita, hija junction traffikuża bejn Triq ta’ Ċenċ, Triq Dun Xand Aquilina li testendi lejn in-naħa t’isfel tar-raħal, Triq Sannat li hija t-triq prinċipali li tagħti aċċess għal Ta’ Sannat u Triq Cocco Palmieri.
Sa issa tlestew il-kostruzzjoni u l-interventi neċessarji taħt il-livell tat-triq sabiex inbidlu s-servizzi, u ġew kostruwiti żewġ culverts, wieħed għas-servizz u l-ieħor għall-ilma tax-xita. Preżentament inbeda x-xogħol fuq il-bankini li qegħdin jinbnew b’konformità mal-istandards moderni ta’ aċċessibbiltà fejn qegħdin jitpoġġew ċangaturi ta’ travertin li jvarjaw fil-kulur u jikkumplimentaw l-arkitettura, il-bini u l-identità urbana tal-madwar.
Il-pjazza kollha, inklużi l-ispazji pedonali, semipedonali, tal-parkeġġ u tal-karreġġjati, se jkollhom bażi robusta li kapaċi tiflaħ għal użi rispettivi. Il-materjal naturali minn sorsi differenti se jintuża għall-pavimentar, skont l-użu maħsub tal-ispazju. Fil-fatt, ix-xogħol fuq il-pavimentar beda wkoll u miexi ġmielu.
Wara li jitlesta dan ix-xogħol, it-traffiku se jkun immaniġġjat aħjar, ser ikun hemm parkeġġ strutturat tajjeb fil-pjazza u li ser itejjeb b’mod sinifikanti l-ispazji pedonali mingħajr ma jnaqqas il-parkeġġ. Se tiġi installata wkoll għamara ġdida tat-toroq biex ittejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi ta’ Pjazza Santa Margerita. Din ser tinkludi bankijiet, kontenituri tal-iskart, u kumditajiet oħra filwaqt li ser terġa’ titpoġġa rikostruzzjoni tas-salib tal-pjazza. Il-proġett ukoll jinkorpora dawl ġdid mhux biss għall-pjazza iżda wkoll għall-knisja u z-zuntier u Triq Sannat.
PR231727
| 02.11.23
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Malta Ġusta: Fis-sena li ġejja l-Gvern ser jinvesti €80 miljun ta’ fondi Ewropej għal diversi proġetti f’kull settur
Għas-sena 2024, l-ammont ta’ fondi Ewropej li l-Gvern ser jinvesti fuq proġetti u skemi f’setturi differenti ser jammonta globalment għal €80 miljun. Dan l-ammont ser jimmobilizza investiment f’pajjiżna permezz tal-fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ €900 miljun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid bit-tema ‘Malta Ġusta’, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ta dettalji dwar l-użu qawwi ta’ fondi Ewropej matul is-sena li ġejja bis-saħħa tal-Budget 2024.
Milqugħ mill-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, Dr Bonett kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ studenti tal-kulleġġ u magħhom josserva wieħed mill-istejjer ta’ suċċess tal-fondi Ewropej. B’aktar minn investiment ta’ €100 miljun, f’dan il-Kulleġġ twettaq titjib fil-faċilitajiet u fl-ambjent biex joffri esperjenza ta’ tagħlim mill-aqwa liż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Budget li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda mhux biss elenka kullana ta’ inċentivi għall-poplu kollu fis-sena li ġejja, iżda fassal ukoll il-viżjoni ekonomika u soċjali li għandu dan il-Gvern għal pajjiżna għall-10 snin li ġejjin.
“Viżjoni mibnija fuq miżuri speċifiċi li jinċentivaw in-negozju, sabiex imbagħad jinħoloq ix-xogħol. Negozju u xogħol li issa ser jidħol f’fażi fejn ma jħarisx biss lejn il-kwantità, iżda jiffoka fuq il-kwalità ta’ negozju li jsir. Il-qalba għall-ekonomija l-ħadra u fuq kollox li nkunu preparati għas-suq diġitali huwa kruċjali biex l-ekonomija tkompli tikber b’investiment immirat li joħloq xogħol speċjalizzat,” qal Dr Bonett.
Il-fondi Ewropej huma parti importanti minn din l-istrateġija. Fosthom bl-iskemi tal-Business Enhance għal SMEs li ser iwassal għall-investiment ta’ €40 miljun fis-sena li ġejja, kif ukoll loans issussidjati li ser jistimulaw iktar minn €60 miljun f’investiment mill-SMEs.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li l-Budget 2024 jagħti prijorità assoluta lill-ambjent u għalhekk jikkometti fondi Ewropej biex jintlaħqu l-miri ta’ Malta sostenibbli. Ewlenin fosthom fuq proġetti bħal Freeport Onshore power supply, l-infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi kif ukoll proġetti ta’ afforestazzjoni.
Ser ninvestu wkoll fondi Ewropej fit-tieni interconnector għal iktar enerġija nadifa u f’batteriji li jaħżnu u jimmassimizzaw l-użu tal-enerġija, kif ukoll tisħiħ fid-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ madwar €50 miljun mill-fondi tar-RePowerEU.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fis-saħħa tal-poplu, fosthom permezz taċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, il-bank tad-demm kif ukoll l-implimentazzjoni tal-MRI Linac.
Fl-edukazzjoni, se titwettaq il-wegħda elettorali li jingħata laptop lit-tfal kollha tas-seba’ sena. Dan huwa kkumplimentat bl-investiment infrastrutturali fl-iskejjel.
Il-fondi Ewropej ser jibqgħu kruċjali fl-appoġġ tat-trasformazzjoni fit-tul ta’ Malta fejn l-intrapriżi jinvestu f’ħaddiema li minbarra li jżidu l-kompetittività tan-negozji, iżidu t-titjib tal-ħiliet tal-workforce tagħna fil-futur. Għalhekk l-iskemi ‘Investing in Skills’ u ‘Access 2 Employment’ se jkomplu fl-2024.
“Il-fondi Ewropej, flimkien mal-investiment li ser ikun qed jagħmel il-Gvern permezz tal-fondi nazzjonali, ser iwassluna biex nilħqu l-għanijiet ta’ pajjiżna – li jkollna ekonomija b’saħħitha, li tiġġenera ambjent pożittiv ta’ investiment min-negozji u toħloq xogħol ta’ kwalità. Xogħol li jkattar il-ġid, li jitqassam b’mod ġust ma’ min hu fil-bżonn, u li jiġi investit fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal, “Fl-MCAST sar investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, li fost oħrajn qed ibiddel u jimmodernizza l-kampus u l-ambjent edukattiv kemm għall-istudenti u wkoll għall-edukaturi. Fuq kollox għandna ninvestu fl-istudenti biex ikomplu jeċċellaw fit-tagħlim tagħhom, itejbu l-ħiliet u jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom.”
PR231726
| 02.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Malta Ġusta: Żieda ta’ kważi €80 miljun fuq pensjonijiet meta mqabbel mas-sena 2023
Minn Jannar tas-sena d-dieħla, aktar minn 100,000 pensjonant tal-irtirar, romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni tal-età se jiżdiedu €15 fil-ġimgħa, inkluż iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. €10.73 jitħallsu fil-pensjoni u €4.27 fil-bonus tal-għoli tal-ħajja.
Il-ħlasijiet fuq pensjonijiet biss se jlaħħaq il-€1.1 biljun li jfisser kważi €80 miljun żieda fuq is-sena 2023.
Sostna dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Malta Ġusta, fejn matulha spjega kif din ser tkun id-9 żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet taħt dan il-Gvern.
Il-Ministru Michael Falzon insista illi dan il-Gvern kompla iwieżen il-bżonnijiet tal-pensjonanti, sena wara oħra, b’kuntrast għal dak li sar minn amministrazzjoni preċedenti għal 22 sena meta ma ngħatatx żieda waħda fil-pensjoni u saħansitra kien hemm żmien fejn il-pensjonanti kienu jieħdu biss żewġ terzi tal-COLA u mhux sħiħa.
“Nemmnu li għandna nkunu hemm għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna filwaqt li nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawk il-persuni illi ħadmu u stinkaw snin sħaħ. Għalhekk għandna d-dover li ntejbulhom il-livell t’għajxien tagħhom filwaqt li nkomplu nifhmu u nindirizzaw il-bidliet demografiċi f’pajjiżna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Ġew elenkati numru ta’ miżuri ġodda u oħrajn illi ser ikomplu jibnu fuq benefiċċji preċedenti dan filwaqt illi l-pensjonijiet ser jibqgħu mhux taxxabbli. Mis-sena d-dieħla ‘l quddiem se jkunu inklużi wkoll romol li jkunu għadhom ma għalqux il-61 sena iżda jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol. Dawn ukoll issa ma jibqgħux iħallsu taxxa fuq il-pensjoni. B’dan il-mod se tkun qed titwettaq ġustizzja ma’ dawn il-persuni wkoll.
Barra minn hekk, il-persentaġġ tad-dħul mill-pensjoni li ma jiġix ikkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa ser jiżdied għal 60%, biex b’hekk il-pensjonanti li jkollhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni igawdu minn tnaqqis akbar fit-taxxa. Minn dawn il-miżuri se jgawdu mas-17,000 pensjonant li għandhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni tas-sigurtà soċjali li se jiffrankaw €27 miljun f’taxxa fuq tali dħul addizzjonali (eżempju impjieg).
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar miżura ewlenija li se tkun qed tindirizza anomalija li ħolqot amministrazzjoni preċedenti, fejn ħolqot distinzjoni bejn dawk il-persuni li twieldu qabel jew wara l-1962. Fil-fatt, mis-sena d-dieħla l-istess mekkaniżmu ta’ żidiet fil-pensjoni li japplika għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara (li s’issa kien għadu ma daħalx fil-prattika) se jkun japplika ukoll għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musu stqarr illi kieku l-Gvern mexa ma’ dan il-mekkaniżmu u skont ir-riforma tal-2006, is-sena d-dieħla l-pensjonanti li twieldu wara l-1962 (min minnhom irtira kieku kien dovut l-ewwel żieda bil-mekkaniżmu fl-2024) kienu garantiti jieħdu żieda ta’ €10.87 u dawk li twieldu qabel (ċioè l-pensjonanti kważi kollha ta’ bħalissa) kienu garantiti jieħdu żieda ta’ €8.54 (2/3 tal-COLA).
Kien spjegat iżda, li dan il-Gvern iggarantixxa żieda ugwali għal kulħadd, li għas-sena d-dieħla hija ta’ €15 fil-ġimgħa anke minħabba l-inflazzjoni għolja, u l-istess mekkaniżmu mill-2024 se japplika għal kulħadd l-istess.
Intant saret referenza wkoll għal numru ta’ miżuri soċjali oħra li jolqtu l-pensjonanti, ewlenija fosthom id-Dħul Pensjonabbli Massimu wieħed, l-Aġġustament ieħor fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja, it-Titjib għall-pensjonanti tas-servizz li jaħdmu u anke dawk li ma jaħdmux u m’għandhomx benefiċċji, u ż-żieda fil-bonus lil min ma jikkwalifikax għall-pensjoni.
PR231725
| 02.11.23
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Malta Ġusta mal-pensjonanti: Budget li jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani
L-anzjani b’sostenn biex jgħixu fil-komunità
Dan budget ġust mal-pensjonanti, b’miżuri mfassla mill-anzjani stess, mibni fuq il-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li jindirizza realtajiet speċifiċi.
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fiċ-Ċentru ta’ matul il-Jum f’Birkirkara, ċentru fil-komunità li jassigura li l-anzjani jibqgħu attivi.
L-istess għan wara l-miżuri mħabbra fil-Budget 2024 għal Malta Ġusta, b’miżuri li filwaqt li jassiguraw kwalità tal-ħajja tajba għall-anzjani, jsostnuhom biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-irħula u l-ibliet madwar Malta u Għawdex. Il-Prim Ministru spjega li huwa dan li nkunu qegħdin infissru meta nitkellmu dwar ekonomija b’saħħitha, għaliex huwa biha li nistgħu nwieżnu lin-nies, filfatt dan hu budget bl-ikbar nefqa soċjali li qatt saret f’pajjiżna.
Jixhdu dan huma fost oħrajn miżuri li se jissarrfu f’żieda ta’ €780 lill-pensjonanti kollha, l-akbar żieda li qatt ħadu l-pensjonanti f’sena waħda, iż-żieda fl-iskema Carer at Home li żdiedet minn €7,000 għal €8,000 kif ukoll dik li se tfisser żieda fl-għotja għall-anzjani li jkunu għadhom jgħixu f’darhom jew f’dar tal-anzjani li għaliha jħallsu totalment minn buthom, għotja li se jgawdu minnha 48,000 anzjan b’investiment ta’ €16-il miljun. Kif ukoll miżuri oħra li jinċentivaw lill-pensjonanti li jaħdmu, b’17,000 pensjonant se jgawdu minn inqas piż fit-taxxa b’investiment ta’ €27 miljun, li jfisser ukoll li se jgawdu minn titjib ta’ kważi 30% fil-pensjoni.
Il-Prim Ministru rrefera ukoll għal dawk il-miżuri li huma iżjed speċifiċi bħaż-żieda tar-romol li hija ta’ €17 fil-ġimgħa u dik għal persuni li jiddependu biss mill-pensjoni tal-25 sena servizz f’korp dixxiplinat, li għall-ewwel darba se jieħdu bonus bil-COLA sħiħa. Flimkien ma’ dawk il-pensjonanti b’inġustizzja ta’ qabel l-1962 li bdejna nindirizzaw il-karba tagħhom. Huwa żied jgħid li għalhekk dan huwa budget li fassalnieh man-nies, u li se jeħodna fit-tul għax filwaqt li jindirizza r-realtajiet tal-ġurnata jaħseb għall-Malta ta’ Għada, biex ikollna Malta Ġusta għall-ġid tal-Komunità.
Min-naħa tagħhom l-anzjani kellhom kliem ta’ apprezzament għall-mod ta’ kif Gvern Laburista dejjem żammhom bħala prijorità u fiċ-ċentru ta’ ħidmietu. B’dawn l-anzjani b’sodisfazzjon innutaw li hija permezz ta’ miżuri bħal dawn li huma jistgħu mhux biss jgħixu fil-komunità li huma parti minnha imma jgħixu ħajja ta’ kwalità viċin dawk l-aktar għeżież għalihom.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, mill-Kap Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele u mis-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech.
Għal aktar informazzjoni dwar il-miżuri tal-Budget 2024: www.budget.gov.mt, 80072207.
PR231720
| 01.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA
Malta Ġusta: €370 miljun fuq sentejn b’appoġġ lejn l-intrapriżi kontra ż-żieda internazzjonali fil-prezz taż-żejt
Intrapriżi f’Għawdex u Malta ffrankaw madwar €370 miljun fil-kontijiet tal-elettriku fuq sentejn, grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u jassorbi ż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
“L-ekonomija Maltija kibret għaxar darbiet aktar mil-medja Ewropea grazzi għal Gvern Laburista li ħa d-deċiżjoni li jassorbi ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt. B’din id-deċiżjoni proattiva, pajjiżna ipproteġa l-ekonomija filwaqt li pajjiżi oħra qed jesperjenzaw xejriet negattivi. F’Malta qed noħolqu ambjent li jiffavorixxi lin-negozji u individwi biex ikomplu jikbru. Riżultat ta’ dan, l-ekonomija rat żieda sinifikanti, b’rata ta’ tkabbir ta’ kważi għaxar darbiet aktar mill-medja Ewropea,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli żaret il-kumpanija De La Rue, fejn bħalissa għaddej ix-xogħol t’espansjoni għal 29,000 metru kwadru, b’investiment multi miljunarju li se joħloq madwar 100 impjieg ġdid. It-tmexxija ta’ De La Rue spjegat kif il-kumpanija qed tinvesti f’fabbrika state of the art, b’operat effiċjenti u li jestendi l-użu tat-teknoloġija tal-Industry 4.0.
Il-kumpanija innotat kif l-assistenza tal-Gvern kienet kontribut maġġuri fit-teħid tad-deċiżjoni għall-espansjoni f’Malta.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern fl-għajnuna lin-negozji, li jkompli jmexxi ‘l quddiem ekonomija bbażata fuq it-taħriġ bi prattiċi sostenibbli fejn l-innovazzjoni u l-ekonomija l-blu u l-ħadra qed ikomplu jikbru.
“Irduppjajna l-allokazzjoni finanzjarja għal proġetti u miżuri, amministrati minn Malta Enterprise, biex inkunu t’għajnuna għan-negozji u startups li qed jinvestu fir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ, id-diġitizzazzjoni u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fost oħrajn. Allokazzjoni ta’ €60 miljun,” qalet il-Ministru Dalli.
Għal darb’oħra, Malta Enterprise se terġa topera skemi li jżidu l-kompetittività fost in-negozji bħal Business Development, Business Start, Innovate – Innovation Aid for SMEs, Rent Subsidy Scheme, Research & Development, Skills Development, Smart & Sustainable Investment, Startup Finance Scheme u Micro Invest, fost l-oħrajn. L-Iskema popolari Get Qualified se terġa tiġi imnedija.
“Dan il-budget qed iġedded u jsaħħaħ skemi ffokati lejn strateġija ekonomika biex nattiraw l-innovazzjoni u nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija f’setturi ġodda b’mod dirett. Dan filwaqt li jkompli jiftaħ opportunitajiet ġodda f’oqsma bħal tas-semiconductors fejn Malta hija waħda minn 16-il pajjiż li ġew approvati proġetti taħt l-Important Projects of Common European Interest (IPCEI). Dan ix-xogħol se nkomplu nsostnuh fl-2024 permezz ta’ Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam tal-microchips biex nattiraw innovaturi, akkademiċi u industriji li joħolqu l-iktar teknoloġija avvanzata f’pajjiżna,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
PR231719
| 01.11.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
L-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità
€63 miljun għall-inklużjoni, il-volontarjat u d-drittijiet tal-konsumatur
Il-Budget għas-sena 2024 huwa l-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità. Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur ġie allokat €63 miljun, ċifra li tirrifletti żieda ta’ €4.5 miljun fuq l-allokazzjoni għas-sena 2023.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet il-Budget bħala prova oħra ċara ta’ Gvern b’ruħ soċjali li lest dejjem iwieżen lil dawk li għaddejjin minn sfida jew li għandhom xi diżabilità.
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Farrugia Portelli ffukat l-intervent tagħha fuq l-oqsma tal-inklużjoni u tal-konsumatur.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li fir-rigward tal-qasam tad-diżabilità, l-bażi ta’ kollox hija r-riforma tal-Assistenti Personali, dak li bħalissa qed jiġi diskuss fuq skala nazzjonali, li persuna b’diżabilità flok tispiċċa f’home, tkun tista’ tibqa’ tgħix ħajja indipendenti fil-komunità bl-għajnuna ta’ persuna tal-fiduċja tagħha li tgħinha fil-ħtiġijiet li jkollha. Għas-sena li ġejja f’din ir-riforma se ninvestu €5.2 miljun, miljun aktar milli investejna fis-sena li waslet biex tintemm. Dan jirrifletti mhux biss it-twettiq tal-wegħda elettorali imma wkoll konferma li Malta trid twettaq il-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-budget se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar. Spjegat li l-carers grant se tiżdied b’€487 fis-sena u se tkun qed tilħaq kważi €5,000. Il-pensjoni tad-diżabilità se tiżdied b’€17.39 fil-ġimgħa filwaqt li se nkomplu ngħinu lil dawk il-ġenituri li wliedhom jattendu għal terapija minħabba d-diżabilità tagħhom. Se jkun hemm ukoll żieda sostanzjali ta’ €300 ta’ kreditu fit-taxxa għal kull wild b’diżabilità. Dan ifisser li ċ-ċifra ta’ €200 introdotta s-sena l-oħra issa se tilħaq €500.
Il-Ministru Farrugia kompliet tispjega fuq miżura oħra f’dan il-qasam li tirrigwarda persuni b’kundizzjoni mentali severa. “Wara li din is-sena tajna sentejn krediti ta’ bolol lil kull min ma jkunx jaħdem minħabba problemi ta’ saħħa mentali għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18 u 30 sena, issa se ndaħħlu miżura oħra li se tagħti l-opportunità lill-persuni li jbatu minn xi kundizzjoni mentali severa li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta’ invalidità jekk l-applikant ikollu mill-inqas 50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali,” spjegat il-Ministru Farrugia Portelli.
Is-sens ta’ ġustizzja f’dan il-budget hu rifless ukoll fil-kumpens għall-vittmi tat-Thalidomide, persuni li twieldu b’diżabilità minħabba li fis-Snin 50 u 60 ommijiethom kienu ngħataw mediċina li minn ħafna pajjiżi oħrajn kienet diġà ġiet irtirata. Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li ġie allokat kumpens totali ta’ €3 miljun għal dawk milqutin u li għadhom ħajjin. Fil-jiem li għaddew beda l-proċess ta’ screening ta’ kull applikazzjoni sottomessa.
Fir-rigward ta’ proġetti kapitali, l-Ministru Farrugia Portelli rreferiet għal €1.8 miljun minn Aġenzija Sapport li fost affarijiet oħra se tara investiment ta’ titjib f’numru ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum, modernizzar ta’ numru ta’ Ċentri kif ukoll il-bidu tal-bini tad-Dar Respite f’Ħad-Dingli.
Flimkien ma’ din l-istqarrija qed jiġu ppublikati r-reazzjonijiet tal-imsieħba relevanti rigward il-miżuri tal-Budget 2024.
Il-Konsumatur
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet “Dan il-budget huwa qrib il-konsumatur bl-aktar mod possibbli. Huwa budget ieħor bla taxxi ġodda. Qed jagħti l-akbar protezzjoni billi jżomm stabbli l-kontijiet tad-dawl, l-ilma u l-fuels. Miżura li għaliha ġew allokati €350 miljun. Qed jerġa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet filwaqt li jżid b’mod qawwi ċ-Children’s Allowance. Se jkunu introdotti aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern. Budget li qed jiġġieled l-għoli tal-ħajja billi jsaħħaħ id-dħul tal-familji, il-ħaddiema u l-middle-class b’żieda fil-paga u żieda fil-paga minima. Bil-għan li jkompli jkun indirizzat l-effett tal-inflazzjoni 95,000 familja se jirċievu bejn €100 u €1,500 mhux taxxabbli, miżura li waħedha biss tfisser €26 miljun.”
Il-Budget se jkun qed jgħin ukoll lill-bdiewa b’miżura li taqa’ direttament taħt l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. “Il-bdiewa se jkunu mgħejuna jkunu konformi ma’ regoli tal-Unjoni Ewropea fi proċess li jkompli jsaħħaħ is-sorveljanza kontinwa li tagħmel l-Awtorità rigward il-pestiċidi. Dan huwa għall-benefiċċju kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumatur,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
PR231716
| 31.10.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Nefqa rekord soċjali bl-akbar għajnuna lil min jiflaħ l-anqas
Matul is-sena 2024, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ser jamministra l-ikbar nefqa soċjali li qatt ra pajjiżna, u li ser tlaħħaq it-€2.2 biljun, b’€1.5 biljun ser imorru fuq pagamenti tal-pensjoni u benefiċċji soċjali. Dan kollu qed isir f’xenarju ta’ sfidi internazzjonali bl-inflazzjoni li tolqot lid-dinja kollha.
Qal dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ġusta, fejn matulha ngħataw aktar dettalji dawk il-miżuri li tħabbru lbieraħ fil-Budget u li huma intiżi biex itaffu mill-piżijiet tal-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li mis-sena d-dieħla l-paga minima se tissaħħaħ b’mod sostanzjali fuq numru ta’ snin bi qbil mal-imsieħba soċjali. Dan ifisser li fl-ewwel żieda li ser tingħata f’Jannar 2024, ser twassal sabiex il-paga minima titla’ minn €192.73 fil-ġimgħa għal €213.54 fil-ġimgħa. Persuna li qiegħda fuq il-minimum wage se tiżdied b’€21 fil-ġimgħa.
“Kellu jkun għal darba oħra Gvern Laburista li juri r-rieda u l-enerġija li jsaħħaħ il-Paga Minima Nazzjonali. L-istess kif għamilna 50 sena ilu fejn introduċejna dan il-mekkaniżmu li jipproteġi lil dawk li jifilħu l-inqas. Illum, dan il-gvern reġa’ wasal għal bidla oħra pożittiva, qbil mal-istakeholders, b’dawn iż-żidiet se jkunu mifruxa fuq 4 snin. Infakkar ukoll li dan il-gvern għamilha ċara li persuna ma’ tistax tibqa’ fuq il-paga minima għal iktar minn sena”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu, spjega fid-dettall dwar kif ser tinħadem iż-żieda addizzjonali tal-COLA, li mis-sena d-dieħla se jgawdu minnha mal-95,000 familja, li huwa kważi d-doppju ta’ dawk il-familji li gawdew minn din iż-żieda matul din is-sena.
Dan il-benefiċċju se jgħin l-aktar faxxa li tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali iżda mhux biss, tant li se jkun qed jgħin 56,000 familja oħra li mhumiex f’riskju ta’ faqar.
Mark Musu spjega li l-ammont tal-benefiċċju se jkun ibbażat fuq id-dħul tal-familji fl-2022, bil-ħlas ivarja bejn €100 u €1,500 fis-sena. L-ammont jiddependi minn żewġ fatturi: kemm id-dħul tal-familja jitqabbel mal-livell ta’ dħul li huwa 60% tal-medjan nazzjonali ekwavilizzat (il-livell tar-riskju tal-faqar) u kemm hemm persuni fil-familja.
Hawnhekk ingħataw xenarji differenti dwar kif persuna jew familja tista’ tibda tibbenefika minn dan il-benefiċċju li ser ikompli jissaħħaħ matul is-sena d-dieħla:
Familja b’persuna waħda, pereżempju armla, ikollha dħul sa €18,155.
Familja ta’ 2 persuni, pereżempju koppja pensjonanti, ikollha dħul sa €27,233.
Familja bi 3 persuni, pereżempju single parent b’żewġ ulied (wieħed ta’ 14-il sena jew aktar) jew koppja b’wild wieħed taħt l-14-il sena, ikollha dħul sa €32,679.
Familja b’4 persuni, pereżempju koppja b’żewġt itfal taħt l-14-il sena, ikollha dħul sa €38,126
PR231714
| 31.10.23
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Malta Ġusta: Gvern b’qalb soċjali u viżjoni ekonomika b’saħħitha
Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ġusta, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dan huwa Gvern b’qalb soċjali u b’viżjoni ekonomika b’saħħitha.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li, għalkemm madwarna għadhom qed jippersistu kwistjonijiet diffiċli bħall-kunflitt fl-Ukrajna u issa anke f’Gaża, b’dan il-budget se jkunu qed jibbenefikaw eluf ta’ familji, pensjonanti u negozji, u dan seta’ jsir hekk kif it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna se jissokta tant li fl-2024 it-tkabbir mistenni jkun ta’ madwar 4%. Għaldaqstant, qal il-Ministru, it-tema Malta Ġusta hija tema li torbot dak li qed ngħixu llum.
Dwar l-ekonomija diġitali, il-Ministru Schembri qal li skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea pajjiżna jinsab fis-sitt post fid-DESI report. “Nemmen li bħala pajjiż nistgħu nitilgħu iktar ‘il fuq u l-mira u l-viżjoni hija li nkunu mal-ewwel tliet postijiet fl-Ewropa. Viżjoni ambizzjuża iżda li rridu nilħquha,” qal il-Ministru Schembri.
L-industrija tat-teknoloġija f’pajjiżna, mingħajr ma ninkludu s-settur tal-gaming, fuq perjodu ta’ 10 snin kibret bi 300%.
“Dan il-budget qiegħed jieħu diversi inizjattivi li jara li jalloka ammont ta’ fondi sostanzjali biex l-immodernizzar ta’ pajjiżna jkompli jseħħ b’ritmu mgħaġġel. Pedina importanti f’din il-viżjoni huma l-istart-ups. Huwa permezz ta’ investiment qawwi fi start-ups li pajjiżna jista’ jrawwem proġetti innovattivi li jistgħu jwasslu biex jitwieldu f’Malta kumpaniji rivoluzzjonarji hekk imsejħa unicorns,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Huwa spjega kif f’pajjiżna waqqafna programm sħiħ ta’ inċentivi li jimxi mal-iżvilupp tal-istess start-up jiġifieri sa mill-ewwel pass ta’ meta l-proġett ikun għadu idea sa l-iżvilupp tiegħu. Fost dawn l-iskemi hemm:
- Business Start: għal start-ups żgħar fil-bidu tal-fażi tal-iżvilupp tagħhom li jistgħu jieħdu għotja sa €10,000.
- Startup Finance: għal dawk l-istart-ups li għandhom kunċett vijabbli u li hemm ħsieb ta’ aktar żvilupp tal-attività ekonomika tagħhom. Dawn jistgħu jiġu mgħejuna sa €400,000.
- Kick Start: għal start-ups b’kunċett vijabbli bbażat fuq riċerka teknika u xjentifika, li jistgħu jgawdu sa €100,000.
- Venture Capital Fund: Permezz ta’ dan il-fond se nkunu qed nindirizzaw lakuna fl-ekosistema tagħna. Hawnhekk permezz tal-Malta Government Investments (MGI) se jkun hemm fond ta’ €10 miljun f’ekwità lill-imprendituri lokali li jersqu ‘l quddiem b’ideat innovattivi jew li jkunu qed ifittxu li jiżviluppaw il-prodott tagħhom għal skop kummerċjali.
- Seed Investment Scheme: skema li toffri inċentivi fil-forma ta’ krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji Maltin wara li jkunu investew fi start-ups.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega wkoll il-kunċett ta’ DiHubMT – investiment ta’ €7 miljun li mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla fejn se jinħoloq spazju għal start-ups u scale-ups fejn isibu kulma għandhom bżonn għall-iżvilupp tal-prodotti tagħhom, fosthom l-għodod neċessarji fosthom High Performance Computer.
“B’dawn il-miżuri kollha qed nibnu ekosistema b’saħħitha li tkompli tgħinna għat-trasformazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna b’riżultati sbieħ,” qal il-Ministru Schembri.
Video game development
F’dan il-qasam permezz tal-istrateġija tal-2018 u minn dak in-nhar numru ta’ kumpaniji qed jaħdmu f’pajjiżna f’dan il-qasam fosthom Dorado games, Narc, Anvil u riċentement Keyworld Studios. 25 kumpanija li jħaddmu ‘l fuq minn 250 persuna. Il-mira għal dan is-settur huwa li jikber għal 1% tal-GDP sal-2028.
Assi finanzjarji virtwali
Fl-2018, Malta kienet l-ewwel pajjiż li waqqafna qafas regolatorju li jaħdem fuq attivitajiet fuq blockchain u assi finanzjarji virtwali. Dan issa se jkun obbligatorju fl-Ewropa kollha. Sa Settembru li għadda, f’dan il-qasam kellna 12-il kumpanija ta’ assi finanzjarji fosthom crypto.com, gate.io, okcoin, FalconX u bitpanda. Is-sena d-dieħla se nkunu qed nżidu l-promozzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur.
Fondi Ewropej
Il-Ministru Silvio Schembri qal li anke permezz tal-fondi Ewropej se nkunu qed ngħinu lin-negozji tagħna, fosthom permezz ta’ fond ta’ €40 miljun taħt l-iskema Business Enhance, €16.5 miljun taħt il-programm INVEST EU, skemi tal-RRP għar-rinnovazzjoni favur il-klima għal total ta’ €20 miljun, flimkien ma’ skemi oħra li jammontaw għal total ta’ €100 miljun.
Industrija
F’dan il-qasam se jkun qed jissokta l-programm ta’ investiment ta’ €470 miljun f’infrastruttura industrijali, fosthom fuq ċentru tal-SMEs f’Ħal Far b’investiment ta’ €30 miljun għal madwar 50 intrapriżi żgħar bħal mechanics, mastrudaxxi, sprayers, fost oħrajn.
Proġett ieħor huwa l-bini ta’ madwar 31,000 metru kwadru ta’ spazju għall-kiri u 385 spazju għall-parkeġġ f’San Ġwann viċin Mater Dei għall-attività marbuta mal-qasam tas-saħħa u life sciences. Proġett ta’ €60 miljun.
Dan minbarra proġetti dwar microchips li qed isir flimkien ma’ STMicroeletronics u investiment minn kumpanija tal-farmaċewtika.
Avjazzjoni
Fil-qasam tal-avjazzjoni, il-Ministru Silvio Schembri spjega x-xogħol li sar fuq taxiway Lima u li permezz tiegħu kumpaniji ta’ tiswijiet u manutenzjoni ta’ ajruplani MROs se jkunu jistgħu jakkomodaw ajruplani akbar. Din l-industrija mistennija tikber aktar b’żieda ta’ kumpaniji oħra f’dan il-qasam li se jibdew joperaw minn pajjiżna.
Innaqqsu l-Burokrazija
“Nemmnu li l-burokrazija żejda hija ta’ ostaklu għall-ekonomija u għalhekk għaddejjin bi proġett li bih nissimplifikaw il-proċess biex negozji ma jkollhomx bżonn jissottomettu l-istess dokumentazzjoni għal numru ta’ drabi ma’ entitajiet regolatorji differenti, partikolarment fil-proċessi relatati ma’ KYC,” tenna l-Ministru Schembri. Huwa spjega li se jiġi żviluppat Repożitorju Komuni Ċentrali tad-Data li se jiffaċilita l-proċess ta’ identifikazzjoni tal-applikanti meta dawn ikunu qed jagħmlu negozju f’Malta. Kompla li se jaraw li kull negozju jkollu kont bankarju bażiku, kif ukoll se jwaqqfu Credit Review Office. Se tiġi mnedija wkoll portal ġdid għall-MBR. Barra minn hekk, l-MBR qed jaħdmu fuq assessment tool biex kumpaniji li jħossuhom li jista’ jkun li qegħdin fit-triq tal-insolvenza jagħmlu test mingħajr ħlas.
“Dan huwa l-budget li qed jinċentiva l-ekonomija ta’ għada permezz ta’ strateġija lejn setturi ġodda u produttivi. Dan huwa l-budget għal Malta Ġusta,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
PR231712
| 30.10.23
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Qed jiġi ppubblikat id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, wara li l-Gvern ippreżenta t-tieni Budget f’din il-leġiżlatura.